Jista’ jkun hemm diversi raġunijiet għalfejn wieħed iħoss il-vojt f’relazzjoni. Ħafna drabi, dan il-vojt jista’ jimmanifesta ruħu bħala solitudni, konfużjoni rigward il-ħajja, dwejjaq, jew inkella nuqqas ta’ motivazzjoni. Xi drabi, jaf ikun hemm taħlita ta’ raġunijiet. Jista’ jagħti l-kaz li tibda tħossok hekk wara li tkun ġrat xi ħaġa sinifikanti f’ħajtek, bħal per eżempju l-pandemija jew titlef ix-xogħol.

Ċerti avvenimenti trawmatiċi jistgħu jkunu ġraw fit-tfulija tiegħek u l-effetti tagħhom jibqgħu jinħassu fil-ħajja adulta tiegħek. Xi drabi, din l-emozzjoni jaf iddum xi ftit ġranet biss u tgħaddi waħedha. Però, ikun hemm drabi fejn tibqa’ għaddejja għal ġimagħtejn sħaħ jew aktar.

Modi li jistgħu jgħinuk jekk qed tinnota din it-tip ta’ bidla fik innifsek.

  • Irrikonoxxi din l-emozzjoni u indirizzaha

Tajjeb li tkun ġentili miegħek innifsek u ftakar li qed tagħmel l-aħjar li tista’ bħalissa. Hi komuni ħafna li jiddispjaċik għax ikun qed iħossok hekk, però din il-ħaġa jaf twaqqfek milli tfittex l-għajnuna. Jekk taħseb li dawn l-emozzjonijiet huma relatati ma’ xi telfa li ġarrabt, agħti l-ħin u l-ispazju lilek innifsek biex tipproċċessa din it-telfa. 

  • Prova ddedika ħin għalik innifsek

Kultant, nagħmlu xi attività partikolari biex nevitaw milli naħsbu fuq kif inkunu qed inħossuna. Xi drabi, jaf inħossuna nklinati biex noħorġu ma’ sħabna filwaqt li drabi oħra nippreferu noqogħdu d-dar. Il-ħin li tkun waħdek jista’ jservi ta’ opportunità biex tesplora x-xewqat, il-biżat u l-ħolm tiegħek. Attivitajiet differenti jaħdmu għal nies differenti  u fost l-attivitajiet li wieħed jista’ jagħmel biex jgħinuh insibu l-meditazzjoni, il-kitba jew l-eżerċizzju fiżiku. Jekk ma tkunx imdorri tagħmel dan jaf tħossok skomdu, però aktar ma tiddedika ħin għalik innifsek, inqas se tħoss vojt. 

  • Esplora l-emozzjonijiet tiegħek

Wieħed jista’ jikkunsidra li jiddedika mqar ħames minuti kuljum li matulhom jinnota x’tip ta’ emozzjonijiet qed iħoss dak il-ħin. M’hemmx għalfejn tidħol f’ħafna dettal. Filfatt, anke jekk sempliċement tikteb l-emozzjoni, bħal per eżempju “kurjuż” jew “għajjien” għandu jkun biżżejjed. Jekk teħel biex tagħti isem għall-emozzjoni tiegħek, tista’ tgħin lilek innifsek billi tagħmel daqsxejn ta’ riċerka onlajn. Tista’ wkoll taqbad parti waħda minn ġismek, bħal per eżempju jdejk jew saqajk u tiċċekkja t-temperatura, it-tensjoni, u l-moviment. 

  • Ikteb dak li tkun għaddejja minnu

Meta żżomm forma ta’ djarju tkun qed tgħin lilek innifsek biex tħossok aħjar. Ta’ min wieħed jistaqsi lilu nnifsu jekk hux qed jispiċċa jqabbel lilu nnifsu ma’ nies oħra jew jiġġudika wisq lilu nnifsu. Wieħed ukoll ta’ min jinnota jekk għandux it-tendenza li jiffoka aktar fuq il-fallimenti u jwaqqa’ lilu nnifsu ħażin. Jista’ wkoll jagħti l-każ li tkun qed twaħħal fik innifsek fuq xi ħaġa li int ma jkollokx kontroll fuqha. 

  • Fittex is-sapport ta’ nies oħra

Wara li tkun iddedikat ħin biex tesplora l-emozzjonijiet tiegħek, tista’ tikkunsidra li tfittex nies oħra li taħseb li jistgħu jgħinuk, bħal per eżempju xi ħbieb jew membri tal-familja. Dawn iridu jkunu nies li magħhom tħossok komdu biżżejjed biex titkellem fuq l-emozzjonijiet tiegħek u dak li għaddej minnu. Tista’ wkoll issir aktar viċin ta’ dawn in-nies billi tieħu sehem f’xi attivitajiet magħhom li jkunu jinteressaw lilkom it-tnejn. 

Fl-aħħar mill-aħħar, tiddejjaqx tfittex l-għajnuna ta’ xi ħadd professjonali jekk qed ikollok xi ħsibijiet disturbanti apparti l-vojt li tkun qed tħoss u qed issibha diffiċli biex tiffunzjona fil-ħajja ta’ kuljum.

Jekk taħseb li tista’ tibbenefika minn appoġġ professjonali dwar din il-kwistjoni tista’ tagħfas hawn.

Johanna Cutajar hija gradwata fil-Masters in Counselling mill-Università ta’ Malta. Hija taħdem mat-tfal u l-adolexxenti bħala konsulent fis-settur tal-edukazzjoni fuq varjetà ta ‘kwistjonijiet inklużi kwistjonijiet ta’ relazzjoni, trawma, luttu, tranżizzjonijiet, u s-saħħa mentali ġenerali.

Referenzi

Johnson, J. (2021). Feeling Empty? What It Means and What to Do. Retrieved from https://psychcentral.com/blog/stop-feeling-empty#how-to-stop-feeling-this-way