Il-fibromyalgia hija kundizzjoni li taffettwa ġeneralment il-ġisem kollu. Uġiegħ fl-għadam u fil-muskoli, uġiegħ ta’ ras huma xi sintomi tal-kundizzjoni fost l-oħrajn. Is-sintomi ivarjaw mal-individwu, iġifieri jien naf ikolli sintomi differenti minn persuni oħra li għandhom il-fibromyalgia wkoll. Dan l-uġiegħ jaf iħalli l-persuna skomda apparti li tkun muġgħuha. Kif ukoll, dan l-ugiegħ jaf iżomm il-persuna milli tistrieħ jew iħallina għajjenin u b’hekk jaf jakkumula n-nuqqas tal-irqad. Għalkemm mhux dejjem, dan jaf jirriżulta li nħossuna għajjenin il-ħin kollu.
Sfortunatament, peress li s-sintomi tal-fibromyalgia huma ġeneralment inviżibbli, il-persuna taf ma titwemminx mill-membri tal-familja, ħbieb u fuq il-post tax-xogħol. U din tista twassal għal aktar stress u ħsibijiet li jwasslu l-persuna biex issibha aktar diffiċli li torqod.
Kif tista tnaqqas l-istress biex forsi tgħinek tħossok inqas għajjien?
L-ewwel suġġeriment hu biex titkellem u tiftaħ qalbek man-nies viċin tiegħek dwar il-kundizzjoni. Din m’hijiex ħaġa faċli għax mhux kulħadd ħa jkun jaf x’inhi l-fibromyalgia u anke jekk jafu, forsi ma jifmhux minn xiex tkun għaddejja. Għalhekk importanti li titkellem mal-partner, mal-imgħallem jew kollegi ħalli jgħarfu s-sintomi, speċjalment is-sintomu tal-għejja u forsi jgħinuk issib metodi differenti li jistgħu jgħinuk bħal eżempju forsi ftit minuti aktar break jew jekk possibli taħdem mid-dar. Ovjament dawn l-miżuri jvarjaw skond is-sitwazzjoni, pero l-ewwel pass hu li titkellem u tagħrraf in-nies ta’ madwarek minn xiex tkun għadejja.
It-tieni suġġeriment hu biex tipprova torqod f’ħinijiet simili u tevita rqad matul il-ġurnata. Dan jaf ikun diffiċli li torqod fl-istess ħin forsi ħabba l-uġiegħ jew il-ħsibijiet li jkunu għaddejjin minn moħħok. Jeżistu applikazzjonijiet fuq il-mowbaljs li huma magħmulin biex jgħinuk tikkalma u biex tikkontrolla l-ħsibijiet negattivi. Dawn huma forma ta’ meditazzjoni. Applikazzjonijiet li tistgħa tuża huma Calm u Headspace. Jew inkella, jekk tkun tixtieq tista tiftaħ qalbek ma’ professjonist bħal terapista jew psikoloġista biex jgħinuk tgħaraf aktar dwar dak li qed jinkwetak u jistressjak. Allavolja dawn mhumiex affarijiet diretti biex tnaqqas l-għejja, jaf wara ftit taż-żmien jibdew jgħinuk bla ma tkun taf. Xi kultant ċertu affarijiet naħsbu li jkunu separati fejn fil-verita jafu jkunu qed jaffetwaw lil xulxin. Eżempju ta’ dan hu ma tkunx tistgħa torqod, imbagħad jibdew ġejjin il-ħsibijiet li ma tistax torqod u li mhux qed torqod biżejjed, imbagħad tinkwieta fuq kemm l-għada ser tkun għajjiena u tibqa ma torqodx. U l-għejja tibqa takkumula. Allura, professjonisti jistgħu jgħinuk tagħraf kif twaqqaf dan iċ-ċiklu.
It-tielet suġġeriment huwa eżerċizzji żgħar li jgħinuk tuża l-enerġija. Ovjament, l-eżerċizzju jaf ikun ta tbatija jew diffiċli, għalhekk huwa importantli li l-eżerċizzju li tagħmel ikun adekwat u addatat għal kemm jiflaħ ġismek. Forsi dan jinvolvi titla t-taraġ darbtejn, jew tmur mixja mal-blokka, jew inti u tiknes jew mixja sal-karozza fuq l-post tax-xogħol. Trid tara li l-eżerċizzju li tagħmel ma jkunx ikgħabar lil ġismek. L-eżerċizzju u moviment tal-ġisem jaf jgħin il-ġisem ikun inqas iebes u jtgħaffi xi uġiegħ u pressa fil-ġogi u l-muskoli. Dan jista jgħinek torqod aħjar u jaf inaqqas l-għejja.
Pero jekk dawn is-suġġerimenti ma jgħoddux għalik jew pruvajthom u ma ħadmux, taqtax qalbek. Irridu nifmhu li l-għejja huwa sintomi komuni tal-fibromyalgia u għalhekk għandna nitkellmu mat-tabib tagħna dwar x’qed inħossu u nfittxu l-għajnuna fejn hemm bżonn biex ngħinu lilna nnfusna.
Danica Cassar has graduated with a Bachelor of Psychology (Honours) at the University of Malta and is currently reading for a Masters of Science in Health Psychology at the University of Bath.