Inti persuna li tibża ħafna mil-mard? Malli jkollok xi tip ta’ sintomu tmur tiġri tiċċekja biex tara li kollox sew? Jew inkella tibża wisq tmur għand tabib għaliex ha jagħtik aħbar ħażina?
Mintiex waħdek, hawn ħafna nies li jħossuhom bħalek, speċjalment fiż-żmien li qed ngħixu fih bħalissa. Hawn taħt hawn xi affarijiet li tista’ tagħmel meta tħossok anzjuz fuq saħħtek.
- Tiċċekjax is-sintomi tiegħek fuq xi browser.
Hija komuni ħafna li malli ikollna l-ewwel sintomu, mmorru malajr infittxu s-sintomi tagħna fuq xi ‘web.md’ jew ‘google’. Dawn is-siti jafu jtuk informazzjoni korretta, fil-qasam ta’ x’inhi il-marda jew x’tip ta’ sintomi jkollok meta jaqbdek dik il-marda speċifika. Pereżempju għejja u deni huma relatati mal-Covid-19, iżda mhux bilfors li inti jkollok il-Covid-19 jekk għandek dawn is-sintomi. Dan għaliex is-saħħa hija varja u jista’ jkun hemm kwalunkwe raġuni għala qed tħossok għajjien jew bid-deni. F’dan il-kas jista’ jkun riħ.
Hemm diversi tipi ta’ mard u għalhekk huwa importanti li nirrikorri għat-tweġibiet u l-għajnuna mingħand professjonisti biex ikollna dijanjosi kif suppost u koretta għalina.
2. Mur għand it-tabib tiegħek.
Nista’ nifhem li jaf tkun diffiċli għalik biex taffaċċja lit-tabib u tistenna t-tweġiba tiegħu. Iżda huwa importanti li malli ikollna xi tip ta’ sintomu li qed jinkwetana nitkellmu fuqu mat-tabib tagħna. Dan għaliex jekk hemm xi ħaġa li mhux qiegħda kif suppost, huwa tajjeb li naqbduha kmieni. Kif ukoll jekk is-sintomu huwa xi ħaġa minima jew xi ħaġa li m’għandekx għalxiex tinkwieta fuqha, tkun qed tinkwieta għalxejn. Kif nafu, l-inkwiet mhuwiex tajjeb għas-saħħa tagħna u għalhekk kemm jista’ jkun niprovaw nieħdu ħsieb li nnaqsu l-inkwiet kemm jistgħa’ jkun possibli.
Huwa importanti li niftakru li għalkemm inkunu qed inħossu dawn is-sintomi mhux kull darba li tħoss xi tip ta’ skumdità jfisser li hemm xi ħaġa serja (Goodman, 2020).
3. Tkellem ma’ professjonista’
Jekk l-anzjeta’ qed tirkbek jew qed ikollok ħafna ħsibijiet madwar il-mard u ċ-ċans li jaqbdek xi mard serju. Tkun tajjeb jekk titkellem ma’ xi psikologu tas-saħħa biex tindirizza din l-anzjeta’ u issib modi kif tgħin lilek innifsek. Il-Willingness Team għandu numru ta’ professjonisti li jispeċjalizaw f’dan il-qasam u tkun tista’ tkellem lilhom fuq x’qiegħed jinkwetak.
4. Allura x’tip ta’ affarijiet tistgħa tagħmel biex tonqoslok l-anzjeta’ relatata mas-saħħa?
- Eżerċizzji biex isaħħaħ in-nifs: biex tnaqqas lis-stress jew anzjeta’ tista’ tagħmel dawn it-tip ta’ eżerċizzji. Tibda l-ewwel billi tagħżel post komdu. Hija f’idejk jekk tipreferix bilqiegħda jew bilwieqfa, importanti li jkollok saqajk mal-art. Wara li ssib post komdu fejn tista’ tirrilassa, ibda billi tieħu nifs qawwi l-ġewwa min imnieħrek u wara oħrog in-nifs min ħalqek. Hawn min iħossu aħjar billi jgħodd mil-1 sal-5 waqt li qed jieħu in-nifsijiet il-ġewwa u l-barra. Pero’ importanti li tagħmel kollox kif tħossok komdu inti għaliex l-għan huwa li tirrilassa. Tista’ tagħmel dan għal madwar 3 minuti (NHS, 2018).
- Mur Mixja: il-mixi huwa tajjeb kemm għas-saħħa fiżika u għas-saħħa mentali tagħna. Tista’ issib post fejn ma jkunx hemm ħafna nies u fejn tista’ tifoka fuqek innifsek. Waqt il-mixja dejjem tista’ tisma xi diski jew tiffoka fuq il-ħsejjes li hemm madwarek, jekk tmur fost il-kampanja forsi tisma l-għasafar isaffru jew ir-riħ mas-siġar (Ferreira, 2020). L-għan hu li moħħok ikun jista’ jieqaf jaħseb għal ftit ta’ ħin.
Kulħadd jgħidilna li s-saħħa hija kollox u kemm huwa importanti li nieħdu ħsieba. Għalhekk huwa normali ħafna li nkunu inkwetati fuq saħħitna. Jekk qed tħossok inkwetat, tajjeb li tfittex l-għajnuna. Sakemm qed tistenna għal-appuntament ara li tagħmel affarijiet tajbin għal saħħtek; bħal tixrob ħafna ilma, tagħmel xi ftit eżerċizzju u tiekol ikel bnin.
Katrina Farrugia is a Masters student who works as a Childminder and Volunteer with Willingness.
Referenzi:
Ferreira, M. (2020). 14 mindfulness tricks to reduce anxiety. Retrieved 12 March, 2021, from https://www.healthline.com/health/mindfulness-tricks-to-reduce-anxiety
Goodman, K. (2020). Health anxiety: What it is and how to beat it. Retrieved 12 March, 2021, from https://adaa.org/learn-from-us/from-the-experts/blog-posts/consumer/health-anxiety-what-it-and-how-beat-it
NHS. (2018). Breathing exercises for stress. Retrieved 12 March, 2021, from https://www.nhs.uk/mental-health/self-help/guides-tools-and-activities/breathing-exercises-for-stress/