Jiena raġel ta’ 50 sena u riċenti, meta jkolli x’naqsam ma’ marti, mhux qed indum daqs kemm kont qabel. Ma nafx għalfejn għax, is-snin kollha li ili miżżewweġ, qatt ma kien ġrali hekk qabel. Dawn l-aħħar ftit xhur pero’ nofs id-drabi li għamilna sess ma’ xulxin innutajt li vera ma domtx. Hemm xi ħaġa li nista’ nagħmel jew qed jiġrili hekk għax qed nixjieħ u nista’ nirrassenja ruħi?
Li qed issemmi jinstema’ li hu każ ta’ eġakulazzjoni primatura, fejn irġiel ma jdumux kemm ikunu jridu waqt is-sess, ġeneralment jispiċċaw jorgażmaw wara inqas minn 2 minuti. Iż-żmien, kif għidt inti, jista’ jkun fattur pero’ ma jfissirx li m’hemm xejn li jista’ jsir. Hemm bosta fatturi oħra ta’natura medika jew psikoloġika wkoll li jaffetwaw kemm indumu.
Waħda mill-affarijiet li jaffetwaw hija dik li bl-Ingliż isejħulha erectile dysfunction fejn ir-raġel ikollu problema biex imantni erezzjoni. Din jaf ikollha kawżi oħrajn bħal infezzjoni, u hemm iktar tendenza li tiġri meta jkollna iktar żmien. Affarijiet oħra bħal xi mediċini, problemi bit-thyroid, jew bil-livelli ta’ l-ormoni jafu jikkawżaw problemi ta’ din in-natura wkoll. Għandekx din il-kundizzjoni jew le, kieku jien inkellem tabib u jekk hemm bżonn nagħmel xi testijiet anki sempliċiment biex inserraħ moħħi.
Hemm affarijiet oħra li jistaw jikkawżaw l-eġakulazzjoni premataura, bħal stress u ansjetà. Nistiednek tara ftit jekk intix għaddej minn żmien ta’ stress partikulari bħalissa. Jekk huwa l-każ, forsi jekk qed taħdem siegħat twal, forsi wasal iż-żmien li tieħu break. Apparti li tnaqqas l-istress, hemm ukoll eżerċizzi li jgħidulhom ‘Kegel exercises’ li jsaħħu l-muskoli tal-pelvis u li sabu jgħinu lill-irġiel idumu iktar.
Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt.