Reading Time: 2 minutes

Inħossni ftit inkwetata għat-tifla tiegħi, li issa għandha 22 sena. Kemm għandha żmien darba biss naf li kienet f’relazzjoni, ma’ ġuvni, meta kellha xi 18-il sena. Jista’ jkun li kellha oħrajn pero jien u hi għandna relazzjoni tajba u naħseb kieku kienet tgħidli. Qatt ma wriet interess f’li jkollha relazzjoni u onestament kont naħseb li forsi omosesswali. Xi xahar ilu qaltli li hija asesswali li jekk fhimtha sew ifisser li hi la tinġibed lejn irġiel u lanqas lejn nisa. Tħawwadt ftit għax ma nistax nifhem kif jista’ jkun li xi ħadd ma jħossx ġibda lejn ħadd. Jien għidtilha li jista’ jkun li fażi jew li għadha ma ltaqgħatx mal-persuna t-tajba imma ħaditha naqra ħażin u sostniet li mhux il-każ. Madanakollu m’iniex konvinta u qed ninkwieta li forsi hemm xi ħaġa ħażina. Tista’ ttini parir?

 

Qed nieħu gost nisma’ li għandek relazzjoni tajba ma’ bintek u l-fatt li kelmitek dwar xi ħaġa personali bħas-sesswalità tagħha. L-asesswalità taf tkun kunċett li diffiċli jinftiehem minn xi ħadd li m’għandux l-istess esperjenza għax tista’ tgħid hija n-nuqqas tax-xewqa fiżika għall-kuntatt sesswali ma’ oħrajn. Din hija biss deskrizzjoni sempliċi għax fil-verità hemm varjetà bejn persuna u oħra bħal bejn in-nies eterosesswali.

Hemm każi rari fejn in-nuqqas ta’ ġibda tiġi minn xi mediċini li jkunu qed jieħdu jew minn livelli baxxi ta’ xi ormoni pero dawn huma rari u ġeneralment temporanji. Minn dak il-lat huwa dubjuż jekk tistax tikkunsidra każi hekk asesswalità. Jekk bintek minn dejjem ħassitha hekk, huwa probabbli li m’hemmx kawża medika.

Importanti li niċċara li l-asesswalità hija orjentazzjoni sesswali leġittima. Ġeneralment ma tkunx fażi u lanqas ma tkun każ li ma jkunux iltaqgħu mal-persuna t-tajba. Irridu noqogħdu attenti għax li ngħidu hekk qisu ngħidu lil xi ħadd eterosesswali li forsi fażi jew li jkunu għadhom ma ltaqgħux mal-persuna t-tajba tal-istess sess. Kieku jien infittex ftit fuq l-asesswalità u nerġa’ nitkellem ftit mat-tifla biex niċċara l-affarijiet u nserraħ rasi. Ħudu ħsieb xulxin.

 

Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt.

You can visit his profile on: https://zme.tec.mybluehost.me/willingnessmt/team/matthew-bartolo/

This blog has been proofread by Keep Calm and Proofread (https://www.facebook.com/keepcalmandproofread)