“Mhux qiegħed ifittixni iżjed”. “Qabel konna nkunu intimi kważi erba’ darbiet fil-ġimgħa u issa xejn, bilkemm jgħannaqni”. “M’għadux iħobbni”. “Jidħol id-dar u jibqa’ sejjer jorqod”.

Madwar 17% tal-popolazzjoni, xi darba jew oħra fil-ħajja tagħhom jgħaddu minn żmien ta’ dipressjoni. Id-dipressjoni taffettwa kważi kull aspett tal-ħajja tagħna, inkluż ir-relazzjonijiet li nibnu mal-oħrajn. Meta wieħed mill-partners isofri minn dipressjoni, ir-relazzjoni tista’ tbatiħafna. Relazzjoni tajba u soda hija terapewtika għal xi ħadd li jkun qiegħed għaddej minn dipressjoni. Huwa żmien fejn il-bniedem ikollu bżonn ħafna sapport u mħabba iżjed minn qatt qabel.

 

X’jiġri meta s-sieħeb/sieħba tiegħek ikollu/ikollha d-dipressjoni?

Individwi li jkunu għaddejjin minn żmien ta’ dipressjoni ġeneralment iħossuhom maqtugħin min-nies ta’ madwarhom. Iħossuhom li m’għandhomx biżżejjed enerġija biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum, bħal eżempju jieħdu ħsieb tagħhom infushom, imorru għax-xogħol u joħorġu. Dan jista’ faċilment iwassal biex is-sieħeb l-ieħor li mhux għaddej minn żmien dipressiv iħossu li huwa mhux maħbub, m’hemmx attrazzjoni u interess fost sentimenti u ħsibijiet oħra. Huwa faċli li ninterpretaw il-burdata dipressiva ma’ ostilità u bruda jew anke evidenza li l-persuna li għaddejja mid-dipressjoni tilfet l-interess fir-relazzjoni.

Huwa komuni li n-nies viċin tal-persuna li tkun għaddejja mid-dipressjoni, jsibuha diffiċli biex jifhmu għaliex il-persuna li tant iħobbu tkun qiegħda taġixxi b’mod stramb, titlef l-abbiltà li ssegwi dak li jkun għaddej u ma tifraħx f’mumenti sbieħ. F’dawn il-mumenti diffiċli, huwa tajjeb li niftakru li dawn huma sintomi normali tal-kundizzjoni u li l-persuna m’għandhiex kontroll totali fuq l-imġieba tagħha.

Fid-darba li jmiss se nkomplu nitkellmu fuq kif id-dipressjoni tinfluenza anke l-prestazzjoni sesswali.