Domanda li dejjem staqsejt fis-sessoloġija kienet għala l-irġiel, speċjalment dawk straight, huma daqshekk interessati fis-sider tal-mara. Il-bniedem bħal qisu jinfixel meta jara xi ħaġa li għalih tkun attraenti, u l-kummenti ma jonqsux! “Mamma mia Pepp, ħares warajk! Ħares mal-ġenb!” … u sejrin hekk insomma!

Jien stess fil-prattika klinika tiegħi, ukoll niġi bejn ħalltejn meta xi ħadd jistaqsini xi ħaġa dwar dan. Ir-riċerka kwalitattiva dwar dan is-suġġett, ukoll għadha mhix ċara fuq xi jwassal għal din il-ġibda partikolari. B’hekk se nipprova nirrispondi għal din id-domanda fid-dawl ta’ xi teoriji li ġew żviluppati fil-kamp tal-psikoloġija u s-sessoloġija. Ma nistagħġibx li ħafna minnkom jiddejqu jsaqsu domandi ta’ dan it-tip minħabba t-tabù u l-mistħija li dan is-suġġett iġib miegħu. Jiena tal-fehma li meta nsaqsu b’mod ġenwin, onest u b’rispett dwar is-sesswalità tagħna, inkunu qegħdin nikbru u nimmaturaw u b’hekk ngħixu sesswalità isbaħ u aħjar. Jekk il-kliem u ċ-ċajt tagħna jkun meqjus u rispettuż, noħolqu ambjent aħjar fejn inkunu nistgħu niddiskutu dawn id-domandi sesswali. Ħafna jgħiduli li meta nitkellmu fuq is-sess bil-lingwa Maltija, id-diskors jinstema’ ħamallu. Ma naqbilx, u b’hekk se nikteb bil-Malti. Se nevita però kliem li biż-żmien żviluppa konnotazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ rispett.

Perspettiva li jiena nħobb nitkellem ħafna dwarha meta niddiskuti s-sesswalità hija dik evoluzzjonarja. Spjegazzjoni partikolari tgħidilna li s-sider tal-mara qatt ma kien importanti fl-attrazzjoni, sakemm il-bniedem beda jimxi. L-idea bażika ta’ din it-teorija hija li qabel il-bniedem beda jimxi fuq żewġ saqajn, is-sors primarju ta’ eċitazzjoni viżwali għar-raġel kien il-warrani. Għaldaqstant meta l-bniedem beda jimxi fuq żewġ saqajn, il-warrani ma baqax jidher b’mod prominenti bħalma kien qabel. B’hekk huwa maħsub li s-sider kiber biex jimita l-attrazzjoni tal-warrani. Fil-fehma tiegħi din l-ispjegazzjoni tagħmel sens iżjed meta wieħed jikkunsidra kemm huma simili l-cleavage u l-warrani!

Fil-blog li jmiss se nkomplu niddiskutu perspettivi oħrajn relatati ma’ dan is-suġġett.