L-infedelta’ ġġib magħha l-ksur tal-wegħda magħmula bejn iż-żewġ partijiet fil-koppja. Dan il-patt jorbot liż-żewġ naħat sabiex jibqgħu leali lejn xulxin matul ir-relazzjoni romantika ta’ bejniethom. Indipendentament mil-kuntest, kemm jekk il-patt jgħamel parti mil-vot taż-żwieġ jew jekk kienx maqbul b’mod espliċitu jew impliċitu bejn il-maħbubin fil-bidu tar-relazzjoni tagħhom. Fil-mumenti sbieħ tar-relazzjoni wieħed qajla jaħseb li jista’ jsib ruħu jgħaddi minn esperjenza qarsa bħal din. Infatti meta ż-żewġ partijiet jidħlu f’relazzjoni l-inqas ħsieb jkun dak ta’ l-infedelta’; sakemm parti jew oħra fir-relazzjoni ma jkunux ġa messew magħha. Dawk mġarba jkunu beżgħana li tista’ terġa’ tiġrilhom.

Għaldaqstant meta l-koppja tgħaddi minn esperjenza t’ infedelta’, din theżżeż l-istabilita’ ta’ bejn il-koppja. Mhux biss, l-infedelta’ toħloq ambjent mimmli b’ ħafna dubbji u inċertezzi speċjalment minn naħa tal-vittma. Uħud minn dawn il-mistoqsijiet huma għaliex ġrat lili? X’għamilt ħażin biex ġrali hekk? X’għandi ngħamel? … nibqa’ u nipprova nsalva r-relazzjoni jew nitlaq? Nista’ qatt nerġa’ nafdah jew nafdaha? X’se ngħidilhom lil tal-familja u t-tfal? fost ħafna mistoqsijiet oħra. Kumment tipiku li tgħamel il-vittma jkun; jien aħjar telaqni/ teqitni milli għamel/ għamlet hekk. Hemm l-idea li l-vittma tbati inqas jekk ir-relazzjoni tintemm milli tinbeda oħra ġdida bil-moħbi.

Wieħed jistaqsi imma għaliex sseħħ l-infedelta’?

Il-parti li ma tibqax leali fir-relazzjoni jgħamel/ tgħamel dan minħabba raġunijiet varji; fosthom li jkun jixtieq/ tixtieq jerġa’ jħoss jew tħoss dak l-eċitament li ġġib magħha l-bidu t’ esperjenza ġdida. Jista’ jgħati l-kas li l-persuna ma tkunx kuntenta fir-relazzjoni preżenti imma għal raġunijiet varji ma tkunx kapaċi tinħall minn dik l-unjoni. Ta’ min wieħed jsemmi li t-tradiment mhux neċċessarjament jwassal għal tmiem tar-relazzjoni bejn il-koppja. Tajjeb nispjegaw wkoll li l-infedelta’ sseħħ anke f’relazzjonijiet feliċi mhux biss fejn hemm problemi fir-relazzjoni jew fil-persuna li tgħamel dan. Infatti, Lusterman (2010) jispjega kif ħafna drabi, minkejja li l-għeruq ta’ l-infedelta’ jinsabu fejn diġa huma preżenti problemi fil-koppja,  jisħaq li mhux dejjem il-każ jkun hekk. Jirrikonoxxi li r-raġunijiet għaliex il-persuni jitradixxu huma varji ħafna. Xi kultant jkunu prodott tal-passat tal-persuna li saħansitra ġili jmur lura għal familja t’oriġini, kultant marbuta mal-ideoloġiji li jħaddan il-persuna fuq is-sess oppost u xi drabi jkunu riżultat ta’ mument vulnerabbli fiċ-ċiklu tal-ħajja tal-persuna bħal twelid ta’ tarbija, il-mewt ta’ xi ġenitur jew meta t-tfal jikbru u jitilqu mid-dar.

Ħafna drabi l-vittma tgħaddi minn mumenti ta’ rabja, konfużjoni, inċertezzi, uġiegħ emozzjonali u qtigħ il-qalb. It-tradiment nniffsu jħalli diversi effetti negattivi fuq il-koppja, madanakollu minkejja li l-persuni jkollhom idea tal-konsegwenzi xorta jibqa’ fenomenu preżenti fil-ħajja relazzjonali. L-infedelta’ tista’ twassal għal-separazzjoni, divorzju u tfixkil fir-rutina tal-ħajja ta’ kuljum speċjalment jekk il-koppja jkollha t-tfal. Marbuta ma’ dan nsibu d-dipressjoni, l-anzjeta’ u saħansitra xi drabi l-vjolenza domestika. Ħafna drabi is-self esteem tal-vittma jkun impattat b’mod sinnifikanti u dan jwassal għal-konsegwenzi oħra fuq livell individwali. Pero mhux kulħadd jesperjenza l-infedelta’ bl-istess mod jew bl-istess intensita’ għaldaqstant il-perjodu sabiex il-vittma tibda terġa’ tħossha aħjar huwa proċess individwali. Is-sapport li l-persuna jkollha minn nies ta’ madwarha jgħamel differenza kbira.

Referenza

Lusterman, D. (2010). Infidelity: A survival guide. ReadHowYouWant. com.