Reading Time: 2 minutes

Ieqaf għal ftit u staqsi lilek innifsek: “L-infedeltà tbeżżgħani?” jew “Ġieli kelli ħsibijiet ta’ dan it-tip?” Biżgħat kulħadd ikollu u hemm mitt elf ħaġa minn xiex wieħed jista’ jibża’. Uħud mill-biżgħat li nesperjenzaw f’ħajjitna huma relatati ma’ xi tip ta’ relazzjoni li nkunu fiha, b’mod partikolari relazzjoni intima. “Imma tgħid qed jeqlibhieli/teqlibhieli?”, “Mhu qed joġgħobni xejn il-mod kif qed iħares lejha u jkellimha”, “Din kollha kunfidenza żejda”, “Min jaf fejn mar u x’qed jagħmel?” Dawn huma wħud mill-ħsibijiet li jista’ jkollha persuna rigward is-sieħeb jew is-sieħba tagħha. Il-biża’ li qed tiġi tradut tista’ tkun ħafna agħar milli kieku dil-ħaġa kellha verament isseħħ. Apparti minn hekk, hemm ħafna aktar ċans li tkompli għaddej b’ħajtek meta ssir taf li s-sieħeb jew is-sieħba tiegħek m’għadhom iħossu xejn għalik jew li m’intomx kompatibbli milli qed jagħżlu lil xi ħaddiehor fl-istess ħin li qegħdin miegħek.

Il-ħsieb biss li s-sieħeb jew sieħba tiegħek mhumiex leali lejk jeħodlok ħafna enerġija u hi stressanti ħafna u hemm ċans tajjeb li din tinħass ukoll fir-relazzjoni. Għalhekk il-persuna l-oħra jaf tgħejja tipprova sserraħ moħħ is-sieħeb jew sieħba tagħha li hi/hu leali lejh/a u jista’ jagħti l-każ li aktar ma tibża’ li tista’ tiġri din il-ħaġa, tiġri tassew, dik li nsejħulha ‘self-fulfilling prophecy’. Għalkemm il-persuna li jkollha dawn il-biżgħat jaf ma tkunx tista’ tifhem minn fejn tkun ġejja din il-biżà, il-persuna jaf mhux biss tkun qed tesperjenza diffikultijiet biex tafda lil dak li jkun, imma jaf tkun qed tipproġetta emozzjonijiet u kwalitajiet oħra li ma joġgħbuhiex jew li ssibha diffiċli biex taċċettahom fuq il-persuna l-oħra għax għaliha ħafna eħfef biex tagħmel dan. Jista’ jagħti l-każ ukoll li l-persuna li qed tesperjenza dawn il-biżgħat ma tkunx kunfidenti biżżejjed tagħha nnifisha u taħseb li ma jixraqilhiex l-imħabba ta’ ħaddieħor u b’hekk turi lilha nnifisha li r-relazzjoni mhux sejra tajba.

Tkun xi tkun ir-raġuni ta’ dawn il-biżgħat, dejjem hemm iċ-ċans li l-affarijiet jinbidlu u tibda tħares lejk innifsek u lejn id-dinja b’mod differenti. Hi ħaġa tajba ħafna li tirrikonoxxi l-emozzjonijiet tiegħek, titkellem fuqhom mas-sieħeb jew sieħba tiegħek, u fuq kollox tafda lilek innifsek biex tkun tista’ ssib il-vera raġuni għalfejn qed tesperjenza dawn il-biżgħat. Għalkemm biżgħat ta’ dan it-tip jistgħu jkunu bbażati fuq esperjenzi li l-persuna tkun għaddiet minnhom fil-passat, tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu li l-passat mhuwiex garanzija tal-futur u li m’għandekx tiġġeneralizza. Meta nkunu konxji tal-ħsibijiet negattivi li nkunu qed nesperjenzaw, insibuha aktar faċli biex nikkontrollaw il-biżgħat tagħna u minflok naħsbu fuq realtà ġdida u aħjar, fil-preżent, fejn ma teżisti l-ebda problema ta’ infideltà. Fil-verità, iċ-ċans li persuna titraddik billi teqlibhielek ma’ xi ħaddieħor huwa baxx ħafna meta r-relazzjoni tkun qed tissodisfa l-aktar bżonnijiet importanti ta’ dik il-persuna. Fl-aħħar mill-aħħar, jekk tħoss li dawn il-biżgħat tant huma kbar li qed jaffettwawk b’mod ħażin ħafna, m’għandekx għalfejn tiddejjaq titkellem ma’ xi professjonist li jista’ jgħinek aħjar.

Johanna Cutajar is a Master in Counselling graduate from the University of Malta. She works with children and adolescents as a counsellor within the education sector on a variety of issues including relationship issues, trauma, bereavement, transitions, and general mental health.

Referenzi

Fellizar, K. & Steber, C. (2020). Experts Explain why You’re Always Worried your Partner is Cheating & how to Stop. Retrieved from https://www.bustle.com/p/why-you-always-think-your-partner-is-cheating-on-you-how-to-stop-worrying-about-it-2982950

Nichelle, T. (2020). The Fear of Cheating is Worse than the Real Thing. Retrieved from https://tarapvel.medium.com/the-fear-of-cheating-is-worse-than-the-real-thing-72e39ca3f2b7