Jiena raġel u ili f’relazzjoni mal-partner xi 6 xhur. S’issa għadna qatt ma kellna x’naqsmu ma’ xulxin però issa li ilna flimkien daqshekk qed inħoss ftit pressjoni. Jiena naf li hu mhux verġni u esperjenzat fejn jidħol is-sess però dejjem qalli li meta naslu għal dak il-pass inkunu wasalna għax irid li t-tnejn li aħna nkunu komdi. Xi jumejn ilu qalli li fil-verità huwa bisesswali u mhux omosesswali bħalma kont ħsibt qabel. Ġieli smajt li nies bisesswali ikollhom aptit kbir għas-sess, u li ġieli fejn jidħol is-sess ikunu jridu affarijiet mhux konvenzjonali. Jiena personalment l-aptit tiegħi mhux kbir – f’relazzjonijiet li kelli fil-passat ġieli anki darba fil-ġimgħa kont narha ħafna – u ġeneralment ma tantx inħobb inħawwad u nipprova affarijiet. Qed nibża’ li ma nkunx kapaċi nissodissfah. Dan huwa minnu jew taħseb li qed ninkwieta ż-żejjed?
Grazzi ħafna talli qsamt magħna din is-sitwazzjoni. Naħseb din hija problema li tberren f’moħħ ħafna nies f’relazzjoni, speċjalment meta iż-żewġ partners ikollhom aptiti differenti. F’każi hekk ġeneralment jintlaħaq kompromess li jkun aċċettabbli għat-tnejn. Mill-esperjenza tiegħi kull individwu huwa uniku, tkun xi tkun l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Hi x’inhi l-istatistika, ma tistax tkun taf dak li jkun xi jħobb jagħmel waqt is-sess, jew kemm ikun irid sess, mill-orjentazzjoni tagħhom.
Fil-każ tiegħek però nixtieq insaqsik: kellimtu lill-partner dwar ħsibijietek? Milli qed tgħidli jidher li taf tkun qed tinkwieta ż-żejjed, għax jekk fhimtek sew huwa stess qallek li jixtieq li meta taslu biex ikollkom x’taqsmu sesswalment ma’ xulxin, jixtieq li t-tnejn li intom tkunu komdi. Kif għandu jkun. Kieku jien inkellmu ftit fuq dwar il-preferenzi tiegħu u tiegħek u nimxi minn hemm. Jaf ikun li veru għandu aptit ikbar minn tiegħek però ma jfissirx li ma jkunx lest li jilħaq f’kompromess. Fuq kollox relazzjoni fiha dimensjoni oltre mis-sess.
Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt or call us on 79291817.