Jien raġel miżżewweġ, u issa ili mal-mara ‘il fuq minn 20 sena. Marti persuna b’saħħitha u ambizzjuża u l-karriera tagħha importanti għaliha imma minn mindu qalbet il-45 sena ma nafx x’tagħha. Qisu issa li qed igerbeb iż-żmien, flok tibda’ tikkalma ftit bdiet tivvinta affarijiet oħra x’tagħmel. Moħħha biex issiefer jew biex noħorġu u qed tippretendi li jkollna x’naqsmu ma’ xulxin diversi drabi fil-ġimgħa. Jiena m’għadnix żgħir bħalma kont u nammetti bir-responsabbiltajiet li jkolli x-xogħol ħafna drabi nasal id-dar u ma tantx ikolli enerġija. Ikolli nammetti mhux l-ewwel darba li spiċċajt nirrifjuta s-sess ħabba l-għajja. Vera ma nafx x’taha.

Milli qed tiddeskrivi jista’ jkun li martek għaddejja minn xi forma ta’ kriżi ta’ nofs il-ħajja. Ġieli jiġri li meta ngħalqu ċertu età nibdew inħossu ż-żmien għaddej u li qed nixjieħu u nibżaw li ma nibqgħux bħalma konna. Xi nies jesperjezawha iktar minn ħaddieħor u speċjalment jekk iħossuhom li hemm ħafna affarijiet f’ħajjithom li jkunu xtaqu għamlu però għal raġuni jew oħra ma jkunux. Jista’ jkun ukoll li jekk iħossuhom qed jixjieħu jibdew jagħmlu iktar affarijiet biex jikkumpensaw, bħal jieħdu iktar xogħol fuqhom jew ikunu jridu jkunu iktar attivi sesswalment. Din hija xi ħaġa li tolqot kemm nisa u kemm irġiel, però naħseb taf tolqot lin-nisa ftit iktar ħabba pressjoni mis-soċjetà biex iżommu ruħhom.

Ovvjament din hija biss possibbiltà. L-uniku mod biex tkun ċert għaliex martek qed iġġib ruħha b’dal-mod huwa li titkellmu. Eżempju, jista’ jkun li għaddejja minn iktar stress mis-soltu u li dan huwa il-mod tagħha biex tiżvoga. Jew forsi għaddiet minn esperjenza li bidlitilha l-mod kif tħares lejn il-ħajja. Għalhekk kieku jien inpoġġi ftit bilqiegħda magħha u nkellimha biex nara hemmx xi ħaġa li qed tħassibha. Ħudu ħsieb xulxin.


Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt or call us on 79291817.