Jiena u l-mara żżewwiġna xi ftit tax-xhur ilu. Kemm jien u kemm hi naħdmu full-time però d-dar hi tagħmel il-maġġoranza tax-xogħol u ma tidhirx li tiddejjaq għax kull meta staqsejtha jekk tkunx tridni ngħinha dejjem qaltli li m’hemmx għalfejn. Hija persuna ftit perfezzjonista u aċċettajt li forsi tippreferi tagħmel ix-xogħol hi. Kollega tiegħi però qaltli li jekk ma ngħinx lil mara bit-tindif inkun qed inkun maskilist u b’xi mod inkun qed ngħakkeż lil marti. Jien lil marti nħobbha u l-aħħar ħaġa li nixtieq huwa li nuriha diżrispett jew li ma nkunx ġust magħha. Taħseb li kliem il-kollega tiegħi huwa minnu?

Jiena naħseb li kull każ huwa uniku u ma nistgħux ngħidu li xi ħadd qed ikun neċessarjament maskilist jekk ix-xogħol tad-dar jitħalla lill-mara. Min-naħa l-oħra, bħar-razziżmu, nafu nkunu maskilisti b’mod sottili ħafna li lanqas aħna stess ma nirrealiżżaw. Jiena nemmen li kulħadd għandu jmidd idu d-dar b’xi mod u jkun involut, skond il-ftehim ta’ bejn il-partners. Jekk hi sinċerament tippreferi tagħmel ix-xogħol tad-dar hi stess, u mhux sempliċiment għax tħoss li obbligu tagħha, ma nara xejn ħażin. Diment li aspetti oħra f’ħajjitha, inklużi saħħitha u r-relazzjoni tagħkom, ma jbatux, jiena naħseb li owkej. Huwa mod jekk jirnexxila tlaħħaq max-xogħol li jkollha u jkollha biżżejjed ħin għalikom, u mod ieħor jekk sikwit tispiċċa għajjiena u mingħajr enerġija. Jista’ jkun ukoll, eżempju, li hija kemxejn workaholic.

Madanakollu jiena naħseb li xorta huwa importanti li kulħadd jagħti xi kontribut id-dar, anki jekk ikun kontribut żgħir. Forsi fil-ħasil tal-ħwejjeġ, jew fit-tisjir, jew fit-tindif, skond il-persuna. Anki jekk titkellmu dwar il-faċendi u xorta tibqa’ ssostni li tippreferi tagħmel kollox hi, jiena naħseb li m’hemm xejn ħażin li, per eżempju, forsi darba fil-ġimgħa ssajjar inti. Ovvjament però importanti li titkellmuha l-ewwel u taraw bejnietkom, ħalli tkun żgur li t-tnejn li intom tkunu fuq l-istess paġna.


Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt or call us on 79291817.