Jiena naħdem f’uffiċju u xhur ilu bdejt naħdem ma’ kollega ġdida. Ftit, ftit bdejt ninġibed lejha u nħoss li hi tħossha bl-istess mod lejja. L-unika ħaġa li qiegħda tberren f’moħħi hi, li jekk nkunu f’relazzjoni flimkien, jista jiġi affetwat x-xogħol. Taħseb li huwa żball jekk ikolli relazzjoni magħha?
Fil-post tax-xogħol huwa faċli li jkollok relazzjoni ma’ xi ħadd, allura nixtieq nassigurak li m’intix l-unika persuna f’din is-sitwazzjoni. Iżda qabel tagħmel l-ewwel passi nixtieq nissuġerilek li, bħal ma jsir qabel kull relazzjoni, ssir tafha sewwa din il-persuna u li tkun ċert li hija veru attratta lejk. Sib okkazjonijiet fejn tkun tista’ titkellem magħha, forsi waqt il-pawsa tax-xogħol. Huwa wkoll importanti li tkun taf dwar l-etika tax-xogħol tal-kumpanija li qed taħdem għalijha. Ċertu kumpaniji jistgħu jiprojbixxu ċertu relazzjonijiet minn fuq il-post tax-xogħol allura huwa importanti li tevalwa u tqis ir-riskji li jista’ jkun hemm. Barra min hekk importanti li tqis x’jista’ jiġri jekk wieħed minnkom jieħu promotion
.
Jekk tiddeċiedi li tkun f’relazzjoni magħha hija importanti li tissepara x-xogħol mil-ħajja personali. Għalhekk huwa importanti li fuq il-post tax-xogħol, tevita titkellem fuq kwistjonijiet personali, kemm mal-maħbuba u kemm mal-kollegi l-oħra tax-xogħol. Żomm ruħek ikkonċentrat fuq ix-xogħol u evita li tiddistra ruħek bil-presenza tagħha. Bl-istess mod, meta tkunu flimkien bħala koppja, evita tkellem fuq ix-xogħol. Importanti wkoll li tagħmlu sforz biex titrattaw lil xulxin bl-istess mod kif titrattaw lil-kollegi l-oħra meta tkunu fl-uffiċju.
Fl-aħħar mil-aħħar huwa importanti li ma tgħaġġilx ma’ din il-persuna u li tieħu d-deċizjoniet bil-qalbu u wara ftit ħsieb.
– Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt.