Jien ġuvni ta’ dsatax-il sena u xhur ilu ltqajt ma’ tfajla barranija fuq logħba li tintlagħab online. Għal-bidu konna biss niltaqgħu minn fuq il-logħba, iżda għadda ż-żmien bdejna ninġibdu iktar lejn xulxin. Fittixna lil xulxin fuq Facebook u Skype u niltaqgħu kuljum. Meta saru jafu b’din ir-relazzjoni, il-ġenituri tiegħi ma tantx ħadu gost u bdew idaħħluli flejjes f’moħħi li ma nistax nafdaħha għax tista’ titlaqni meta jiftlilha. Jien urejthom li nafdaħha iżda mhux qed jonqsuni d-dubji wara dak li qaluli. Taħseb li għandhom raġun? U jekk le, kif nista’ neħles minn dawn id-dubji?
Relazzjonijiet bħal tiegħek, jew long distance relationships, qegħdin isiru iktar komuni. F’relazzjonijiet bħal dawn hemm bżonn ta’ ħafna fiduċja, iżda l-fiduċja ma tiġix mix-xejn. Bħal kull relazzjoni oħra, qabel ma tinbena l-fiduċja, trid tkun kunfidenti li taf lil maħbuba tiegħek sew. Mod kif tagħmel hekk huwa li tuża metodi differenti ta’ komunikazzjoni bħal emails u video calls
, b’hekk tista’ tara naħat differenti tal-personlita’ tagħha. Huwa wkoll importanti li tinvolvi ruħek fil-ħajja tagħha billi tikkomunikaw regolarment, ssaqsiha mistoqsijiet fuq il-ġurnata tagħha, fuq l-affarijiet li jogħġbuha u fuq li tħobb tagħmel u anki billi tiltaqa’ mal-ġenituri u l-ħbieb tagħha. Meta ssir taf iktar fuqha ikollok iktar kunfidenza u ċertu dubji jibdew jonqsu. Ovvjament, f’relazzjoni, il-fiduċja trid tkun reċiproka, allura jekk hi taqsam informazzjoni personali huwa importanti li inti tagħmel l-istess ukoll.
Il-fiduċja mhix xi haġa li tinbena mil-llum għal għada u trid iż-żmien biex issir taf persuna. F’dawn it-tip ta’ relazzjonijiet id-distanza tista’ tkabbar jew tkisser relazzjoni. Għalhekk, jekk it-tnejn lesti li tkunu onesti u li tikkomunikaw apertament ċertu diffikultajiet tistgħu tegħlbuhom.
– Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt.