Jien mara li kont ili kważi sentejn mat-tfajla u ma nistax nifhem għaliex telqitni wara argument. Ma kinitx l-ewwel darba li ma qbilniex fuq xi ħaġa u spiċċajna nargumentaw – kemm jien u kemm hi aħna rasna iebsa. Pero dejjem wara li nilletikaw inqattgħu siegħa għalina u jkun qisu ma ġara xejn. Kollox kien sejjer tajjeb skond jien, fil-fatt konna ilna naqra ma nilletikaw. Din id-darba illetikajna bħalma ġieli għamilna pero għaddew diġa tliet jiem u la kkuntattjatni u lanqas irrispondiet għal messaġġi li ħallejtilha. Ili naħseb u naħseb u nipprova nifhem pero ma nistax nara kif din id-darba kienet differenti mid-drabi l-oħra. Naf li għadha ħajja u ma ġralha xejn għax iċċekkjajt ma xi ħbieb li għandna komuni pero qaluli li ma tridx iktar relazzjoni. Ninsab konfuża u ma nafx x’se naqbad nagħmel. Nixtieq inkellimha, jew aħjar, li nerġgħu lura flimkien pero nibża li jekk niffittha, iktar tmur ‘il bogħod.
Grazzi ħafna talli qsamt magħna din is-sitwazzjoni diffiċli u kkumplikata. Bilkemm nista nimmaġina l-emozzjonijiet kollha li esperjenzajt, u l-ammont ta’ uġigħ tal-qalb. Hija sitwazzjoni delikata ħafna u f’każ hekk probabli bilkemm inkunu nafu x’laqatna u diffiċli naraw ċar xi jkun ġara. Kieku jien int inqatta’ l-ħin ma ħbieb tal-qalb biex forsi taljena xi ftit rasek mill-uġigħ. Jekk hemm nies li jafukom it-tnejn, speċjalment jekk jafukom sew, kieku jien inkellimhom biex forsi jkolli ideja aħjar ta’ x’jista’ jkun ġara. Jafu jkunu indunaw b’affarijiet li forsi inti ma tkunx rajt – huwa diffiċli li nindunaw b’ċertu affarijiet meta nkunu fihom.
Naħseb li tkun ideja tajba, wara li jgħaddi ftit żmien, li tipprova titkellem magħha, forsi anki bl-għajnuna tal-ħbieb tagħkom. Kieku jien pero noqgħod attenta li f’din is-sitwazzjoni niffoka fuq li nifhem u mhux li niksibha lura. Jista’ jkun li avolja għalik kien argument bħall-oħrajn, għaliha ma kienx hekk imma kien jolqot xi ħaġa importanti ħafna għaliha. Dawn huma biss idejat, il-verita’ tista’ toħroġ biss bil-komunikazzjoni u f’dan il-każ ma tistax tgħid x’jista’ jiġri. Fi żmien bħal dan nistiednek tirrifletti dwar ir-relazzjoni tiegħek u dwar x’inhu importanti għalik innifsek. Kultant irridu naċċettaw li mhux kull relazzjoni tispiċċa b’raġuni li nifhmu. Kultant ikolna ngħalqu kapitlu minn ħajjitna bla kliem u bla sliem.
Ħu ħsiebek, u tinsiex dawk qrib tiegħek fil-mumenti meta jkollok bżonn ftit tas-sapport.
Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt.