Xi ġimgħatejn ilu kont qed nitkellem mal-partner fuq xi pjanijiet li kellna għal tmiem il-ġimgħa. Hi qaltli li kien hemm festival li xtaqet tmur ma’ sħabha. Il-partner tiegħi hi tip ta’ persuna soċjali ħafna, taf tmur man-nies u tieħu gost tiżfen u tħobb taqbad konversazzjoni ma’ nies ġodda. Jien, min-naħa l-oħra, tip riżervat u nieħu gost bil-kumpanija tal-ftit ħbieb tal-qalb illi għandi. Għall-ewwel ma tantx ħsibt fuqha u ma kkummentajtx la iva u lanqas le; il-konversazzjoni mietet hemm u ma reġgħetx issemmiet.

Wasal tmiem il-ġimgħa meta kien hemm dak l-avveniment, u t-tfajla ħarġet u damet ma ġiet lura. Bdejt ninkwieta u nhewden waħdi meta rajtha qed iddum u mhux tibgħatli messaġġi. Ma stajtx norqod u meta waslet lura d-dar tkellimna ftit fuq l-esperjenza tagħha. Vera ħadet gost, u hi u sħabha kienu diġà qed jippjanaw meta ser jerġgħu jagħmluha. Jien bqajt naħseb fuq dan li ġara u bdew jgħadduli ħafna ħsibijiet minn moħħi, fosthom:

  1. Bdejt naħseb fuq x’jistgħu jaħsbu sħabi fuqi…Tgħid jarawni f’dawl ikrah u jitilfu r-rispett lejja għaliex jaħsbu illi t-tfajla qed tkun infidili lejja? 
  2. Tgħid it-tfajla ħa tibda taħseb illi l-ħin li tqatta’ miegħi mhuwiex daqshekk sabiħ jew speċjali daqs kemm ikunu sbieħ dawn l-okkażjonijiet?
  3. Tgħid it-tfajla ser tiltaqa’ ma’ opportunitajiet ġodda u twarrabni?
  4. Tgħid ġraw xi affarijiet li ma nafx bihom? Speċjalment jekk kien hemm alkoħol jew anke sustanzi involuti…kieku tgħidli t-tfajla? U jekk forsi tilfet il-kontroll jew ippruvat esperjenzi ġodda ma’ ħaddieħor?

Ħsibijiet oħra ta’ inċertezza, għira u paniku bdew iduru ġo moħħi. Bdejt inħossni qisni qed nonqos mill-affarijiet li nista’ noffri fir-relazzjoni. Bdejt inħossni irrabjat lejn it-tfajla li kienet tippreferi tqatta’ l-ħin ma’ barranin milli miegħi. Kelli dwejjaq kbar għaliex bdejt inħossni li m’inhiex tajjeb biżżejjed għaliha u frustrat għaliex bdejt nibża’ nitkellem magħha, li ma jmurx taħseb illi irrid nikkontrollaha u nispiċċa nimbottaha iktar ‘il bogħod bl-għemil tiegħi. Tkellimt ma’ terapista fuq dawn l-affarijiet u flimkien esplorajna dawn l-aspetti:

  1. Kif qed inħossni u minn fejn ġejjin dawn l-emozzjonijiet?
  2. Xi tfisser ir-relazzjoni għalija u għaliha? X’inhuma l-prijoritajiet tagħna u n-nuqqasijiet tagħna?
  3. Kif inħossni jien bħala individwu u kif inħossni fir-relazzjoni?
  4. Xi jfisser għalija l-opinjoni ta’ ħaddieħor u x’importanza lest li nagħtiha?
  5. Kif nista’ nikkomunika dawn il-ħsibijiet  mingħajr ma nbiegħed lit-tfajla iktar minni?
  6. X’inhuma l-affarijiet li lest li naċċetta u nkun kuntent bihom fir-relazzjoni u x’inhuma l-affarijiet li m’inhix lest li ngħix bihom?

Wara li esplorajt dawn id-domandi mat-terapista tiegħi, ħriġna punti dwar l-importanza li jien għandi nkun iktar kunfidenti bħala individwu u li għandi nesplora affarijiet li huma mportanti għalija ukoll. It-terapista spjegatli illi ħafna nies ma jħossuhomx tajjeb meta jkun hemm xi tip ta’ theddida għar-relazzjoni u jkun hemm xi ftit nuqqas ta’ komunikazzjoni. Huwa faċli li tħossok inċert u li tibda tgħir meta tħoss li hemm xi tip ta tibdil fir-relazzjoni, speċjalment meta toqgħod taħseb u tqis kemm tkun investejt ħin u enerġija biex tibda u tħaddem relazzjoni.  Apparti minn hekk l-għira tinħass iktar f’każijiet meta l-individwu ma jemminx daqshekk fih innifsu u jħoss ruħu li għandu inqas opportunitajiet mill-parti l-oħra (Phillips, A. 2010 u Rydell, R.J. 2007).

Meta żżomm din l-informazzjoni f’moħħok, tajjeb li tagħraf l-importanza li bħala persuna tkun temmen fik innifsek u illi ssaħħaħ il-kwalitajiet tiegħek, biex b’hekk ma tħossokx dipendenti fuq ir-relazzjoni kurrenti u jonqsu l-każijiet fejn tibda tħossok rrabjat, iddiżappuntat u tradut. Meta jirnexxielek tkun iktar kuntent bik innifsek bħala individwu, anke għas-sieħeb jew sieħba tiegħek tkun iktar attreanti u ma timbuttax lil dak li jkun ’il bogħod minnek minħabba f’kemm tkun qed tħossok inċert u dubjuż.

Referenzi:

Phillips, A. Indignation or Insecurity: The influence of mate value on distress in response to infidelity.

Evolutionary Psychology. 2010. 8(4): 736-750

Rydell, R.J. and Bringle R.G. Differentiating reactive and suspicious jealousy. Journal of Social Behavior and Personality; 2007; 35, 8; pg. 1099-1114

Abigail Church is a Humanistic Integrative Counsellor who works with adults and children through counselling with Willingness. She can be contacted on abigail@willingness.com.mt or call us on 79291817.