Minkejja li l-esperjenza hi l-istess, ir-reazzjoni tiegħek u tas-sieħeb tiegħek jaf tvarja ħafna wara korriment. Xi koppji jirrealizzaw li din l-esperjenza għaqqdithom aktar flimkien, filwaqt li oħrajn jaf isibuha ħafna aktar diffiċli. Dan ma jfissirx li, bħala koppja, m’intomx b’saħħitkom imma li tirrispondu għat-telfa ta’ xi ħadd b’mod differenti. Jaf tħossok frustrat jekk is-sieħeb tiegħek ma jkunx jixtieq jitkellem fuqha. Jew kas inkella mdejjaq li ma jkunx qed iħossu imnikket daqsek bit-telfa. Xi ħadd minnkom jista’ wkoll iħossu diżappuntat li l-persuna l-oħra mhix tifhmu daqskemm ikun jixtieq. Jew li imdejjaq li l-persuna l-oħra tixtieq timxi ‘l quddiem u tagħmel pjanijiet għall-wild ieħor mentri int tkun għadek m’intix lest. Dawn huma wħud mill-modi kif korriment jista’ jaffettwa r-relazzjoni ta’ koppja u x’jista’ jsir f’dal-każ.

Il-ħajja sesswali

Il-ħajja sesswali jaf iddum ftit biex terġa’ lura għan-normal. Xi koppji jemmnu li s-sess jgħinhom juru u jesprimu l-imħabba tagħhom lejn xulxin. Filwaqt li oħrajn ma jħossu l-ebda xewqat sesswali. Mhux neċesserjament se taqblu fuq din il-ħaġa u, f’dal-każ, jaf ikollok bżonn aktar żmien biex tiddeċiedi xi tkun tixtieq tagħmel. Minħabba f’hekk, wieħed jaf ikun jixtieq ikun jaf meta tkun tixtieq terġa’ tipprova biex ikollok wild ieħor. F’dan iż-żmien, hemm ċans tajjeb li l-mara tkun fertili ħafna. B’hekk il-koppja jkollha bżonn tuża’ l-protezzjoni jekk ma tkunx tixtieq terġa’ tinqabad tqila.

Il-komunikazzjoni

Wara esperjenza bħal din, jaf issibuha diffiċli ħafna biex tibqgħu titkellmu bl-istess mod u tisimgħu lil xulxin. Apparti minn hekk, hemm ċans tajjeb li l-argumenti jiżdiedu u ssibuha aktar diffiċli biex tifhmu lil xulxin. Li żżommu komunikazzjoni bejnietkom hi importanti ħafna. B’hekk tkunu tafu kif qed tħossha l-persuna l-oħra u tgħinu lilkom infuskom aktar taċċettaw din it-telfa. 

Il-kommemorazzjoni tat-telfa

Bħala koppja, tistgħu ssibu mod biex tfakkru t-tarbija tagħkom flimkien u meta titnikktu flimkien fuq it-telfa tal-futur li ttamajtu fih, tistgħu tħossukom aktar magħqudin bħala koppja.

Aċċettazzjoni tal-emozzjonijiet differenti

Meta ma tħossukomx l-istess fuq dak li jkun ġara, hemm ċans tajjeb li tibdew tħossukom waħedkom fir-relazzjoni. B’riżultat ta ‘dan tiddubitaw jekk għandkomx tibqgħu flimkien. Importanti ħafna li żżommku f’moħħkom li normali ħafna li tħossukom differenti minn xulxin. Dan mhux neċesserjament sinjal li r-relazzjoni tagħkom ma tkunx qed taħdem. 

Komunikazzjoni ma’ nies oħra

Minħabba li mhux dejjem nirċievu dak li nkunu nixtiequ mingħand is-sieħeb tagħna, kultant jaf ikun hemm bżonn nagħtu daqsxejn spazju lil xulxin. Normalment, xi membri tal-familja jew ħbieb jgħinu. Dan il-ħin tkun tista’ tużah biex titkellem ma’ xi ħadd ‘l barra mir-relazzjoni tiegħek fuq xi jkun ġara jew dak li tkun għaddejja minnu. Jista’ jagħti l-każ li għandek bżonn tiffoka fuq xi ħadd jew xi ħaġa differenti f’ħajtek.

Li toppuka lilek innifsek 

Jekk iżżomm lilek innifsek okkupat tkun qed tgħin lilek innifsek. Dan għaliex il-ħin jgħaddi aktar malajr u jgħinek tiffoka fuq xi ħaġa pożittiva. 

Fl-aħħar mill-aħħar, importanti li tagħti ċans lilek innifsek u ma taqtax qalbek jekk ikollok ġurnata ħażina għax mhux neċessarjament ta’ warajha se tkun l-istess. Jista’ anke jagħti l-każ li jkun mingħalik li għadda kollox u terġa’ ssib ruħek fi stat ħażin ftit jiem wara. Dan huwa proċess naturali u għandkom bżonn tagħtu l-ħin li hemm bżonn lil xulxin. 

Jekk taħseb li tista’ tibbenefika minn appoġġ professjonali dwar din il-kwistjoni tista’ tagħfas hawn.

Johanna Cutajar hija gradwata fil-Masters in Counselling mill-Università ta’ Malta. Hija taħdem mat-tfal u l-adolexxenti bħala konsulent fis-settur tal-edukazzjoni fuq varjetà ta ‘kwistjonijiet inklużi kwistjonijiet ta’ relazzjoni, trawma, luttu, tranżizzjonijiet, u s-saħħa mentali ġenerali.

Referenzi

Parker, W. (2021). Tips For Men Whose Partner Has Had a Miscarriage. Retrieved from https://www.verywellfamily.com/dealing-with-miscarriage-1270770