Fil-ħajja naffaċċjaw ħafna bidliet; dawn jistgħu jkunu kemm pozittivi kif ukoll negattivi. Il-bidla hija importanti biex aħna navvanzaw u niżviluppaw fi kwalunkwe aspett; bħall-aspett akkademiku, soċjali, professjonali u personali (internament kif nirraġunaw u nġibu ruħna). Li ninbidlu turi li qed ngħixu – li qed nieħdu informazzjoni mill-ambjent estern, u anke intern, u qed noħolqu xi ħaġa ġdida bħala reazzjoni għal dan. Apparti minn hekk, ċertu bidliet nistgħu inkunu nafu bihom, mentri oħrajn jeħduna għal arrieda. Meta ma nkunux qed nistennew xi tibdil, din tista’ twassal biex tinħoloq iktar sens ta’ anzjetà u twassal li nħossuna li m’għandnix poter fis-sitwazzjoni. Meta nħossuna hekk, ninterpretaw is-sitwazzjoni bħala waħda li ma nistgħux nibdlu u nħossuna bla riżorsi biex naffaċċjawha.
F’mumenti hekk irridu nieqfu, nikkalmaw ruħna u nippruvaw naraw is-sitwazzjoni minn perspettivi differenti. Irridu naslu li nidentifikaw x’għażliet għandna u fejn nixtiequ naslu minn fejn qegħdin. Fakkar lilek innifsek f’sitwazzjonijiet li diġà għaddejt minnhom fil-ħajja li huma simili ta’ din. Kif kont solvejthom? X’għamilt biex ħadt lura ċertu kontroll? X’ġara biex erġajt sibt il-bilanċ u komplejt tgħix? Meta niffukaw il-ħsibijiet u l-emozzjonijiet tagħna b’dan il-mod, inkunu qed nagħtu lura ħafna poter lilna nfusna. Dan ifisser li inkunu nistgħu nagħrfu għażliet oħra; infittxu u niżviluppaw riżorsi kemm interni u esterni biex naffaċċjaw il-bidla; u anke inkunu nistgħu nitolbu għall-għajnuna jew sapport ta’ ħaddieħor.
Mill-banda l-oħra meta inkunu nafu b’xi bidla minn qabel ma tiġri, iktar ikollna ċans biex nippreparaw ruħna u anke biex niżviluppaw riżorsi li jgħinuna naffaċċjaw din il-bidla. X’jgħin biex naffaċċjaw bidla?
- Tipprepara ruħek mentalment li l-affarijiet ser jinbidlu.
- Tfittex informazzjoni fuq x’ħa jiġri u kif tista’ tirreaġixxi għaċ-ċirkustanzi il-ġodda.
- Tiddiskuti ma’ ħaddieħor li ser ikun involut ukoll.
- Nifhmu l-emozzjonijet tagħna u nagħtu spazju għall-ħsibijiet tagħna.
- Ngħarfu x’jgħin meta inkunu qed inħossuna inkwetati u anzjużi biex nużaw dawn il-metodi fis-sitwazzjoni li ġejja.
- Nieħdu lura l-poter tagħna u l-awtonomija billi nagħrfu x’nistgħu nagħmlu fis-sitwazzjoni il-ġdida.
- Nagħrfu x’kien jaħdem qabel, u nippruvaw nadattawhom għas-sitwazzjoni il-ġdida.
- Nieħdu l-ispazju meħtieġ biex nipproċessaw u nifhmu x’inhu jiġri.
Wara li tkun ġrat il-bidla, ibqa’ innota kif qed tħossok jew jekk hemmx affarijiet li ma qistx imma qed jaffetwawk. Eżempju, jekk biddilt ix-xogħol u qed tkun iktar għajjien, jista’ jkun li dan qed jaffetwalek ir-relazzjoni tiegħek mas-sieħeb jew sieħba tiegħek. Jista’ jkun li ma kontx konxju/ konxja mill-ewwel ta’ dan, iżda la darba tinduna li hemm xi affarijiet li għadek ma ħsibtx fuqhom, li mhumiex relatati immedjatemnt mall-bidla, iżda xorta ġew affetwati, tajjeb li tkun konxju tagħhom u taħdem fuqhom ukoll.
Kull bidla, jew tranżizzjoni, għandha tingħata l-importanza li ħaqqa. Tkunx iebes miegħek innifsek, jekk tħoss li ċertu bidla qed tkiddek iktar milli ħsibt, jew jekk issibek qed ittawwal iż-żmien biex tagħmel bidla. Ftakar li qed tagħmel l-aħjar li tista’ f’dak il-mument. Agħti l-ispazju u ż-żmien li għandek bżonn u emmen fil-kapaċità tiegħek. Li taħsibha u tieħu l-ħin tiegħek tajjeb iżda ftakar ukoll li jekk ittawwal ħafna biex tieħu deċiżjoni, tista’ twassal li tkun qed tnaqqas l-opportunitajiet tiegħek biex tagħmel xi ħaġa dwarha. Tajjeb li l-bilanc issibu billi tkun onest miegħek innifsek u tevalwa kull deċiżjoni, jew anke nuqqass ta’ deċiżjoni, x’inhi tgħidlek u fejn ħa twasslek.
If you think that you can benefit from professional support on this issue you can reach out here.
Abigail Church is a Humanistic Integrative Counsellor who works with adults and children through counselling with Willingness. She can be contacted on abigail@willingness.com.mt or call us on 79291817.
Bibljografija: