“Għandi erbgħin sena, għandi xogħol li jogħġobni u paga sabiħa. Ftit ta’ żmien ilu xtrajt dar fejn ngħix mal-qtates tiegħi li tant inħobb. Mal-ġenituri tiegħi ma tantx immur tajjeb, però niltaqa’ magħhom kull ġimgħa. Lil ħuti s-subien inkellimhom, però ma noħorġux flimkien. Minkejja li għandi dan kollu, xorta waħda nħoss xi ħaġa nieqsa. Għalkemm minn dejjem xtaqt ħafna li jkolli t-tfal, issa qtajt qalbi. Kont f’diversi relazzjonijiet, però kollha ma rnexxewx. Issa għadni qed nittama li nsib lil xi ħadd ma’ min naqsam ħajti, kif dejjem xtaqt”.
Tagħmel ħafna sens li ta’ certu età u wara snin ta’ avventuri romantiċi nkunu nixtiequ relazzjoni stabbli.
Din ix-xewqa jaf anke tkun kawża ta’ ċertu aspettazzjonijiet li jkuni imposti fuqna mis-soċjetà u li jinfluwenzaw lil kull wieħed u waħda minna. Ħafna drabi, meta persuna tkun tixtieq relazzjoni, tkun qed tfittex lil xi ħadd li jikkumplimentaha jew lil xi ħadd vera simili tagħha. Dan jaf iwassal biex dik il-persuna tipprova tippreżenta lilha nnifisha bl-aħjar mod possibli u tidher sabiħa f’għajnejn il-persuna l-oħra.
Però, dan il-mod mhux neċessarjament jaħdem. Għalkemm jaf tinstema’ kontradittorja, aktar milli tipprova tfittex lil xi ħadd biex tkun f’relazzjoni stabbli miegħu/magħha, għandek tiffoka fuqek innifsek. Trid tipprova taċċetta lilek innifsek, tipprova taħdem fuq esperjenzi li setgħu ġraw fil-passat u weġġgħuk, filwaqt li tesplora u tiżviluppa partijiet ġodda tiegħek innifsek. Issib min jgħidlek li, biex ikun kuntent u jħossu maħbub, irid ikun ma’ xi ħadd. Meta persuna tiskopri u titgħallem li tista’ ssib il-kuntentizza mingħajr il-bżonn li tkun ma’ xi ħaddieħor, ħajjet dik il-persuna taf tinbidel.
Jekk int tixtieq tkun sodisfatt, trid tibda tgħix ħajja li tagħmel sens għalik, anke jekk dan ifisser li tkun kontra x-xewqat ta’ nies oħra qrib tiegħek, bħall-familja tiegħek.
Awtomatikament, meta tgħix il-ħajja li verament tixtieq u li tkun għażilt int, se ssir aktar attraenti bħala persuna. Dan għaliex issir aktar reali, awtentika, u ferħana u f’għajnejn ħaddieħor tkun tidher aktar attraenti. Għalhekk tajjeb li tkun int innifsek għax ħaddieħor mhux se jibbaża r-relazzjoni biss fuq il-mod kif tidher imma fuq il-mod kif tikkomunikaw f’relazzjoni u kif jġib ruħek.
Jista’ wkoll jagħti l-każ li tħossok attirata lejn persuna li jkollha xi kwalitajiet li int taħseb li ma jkollokx għax din hi ħaġa li tagħmlek kompluta. Però, jista’ jagħti l-każ li dawn ikunu kwalitajiet fina li aħna nkunu qed naħbuhom jew għadna m’aċċettajnihomx. Ir-relazzjonijiet tiegħek jinbidlu ladarba int tintebaħ li ħaddieħor għandu dak li int taħseb li hu nieqes fik.
Hemm ċans tajjeb li ssib s-sieħeb jew is-sieħba tiegħek meta int tieqaf tipprova tagħmel dan.
Apparti minn hekk, meta ssib lil xi ħadd li tħossok miġbuda lejh, tipprovax tilgħab xi logħba biex il-persuna l-oħra tinġibed lejk jew tippjana l-affarijiet. Kull relazzjoni hi unika bħalma kull persuna hi unika u, għalhekk, anke l-mod kif tiżviluppa r-relazzjoni stabbli se jkun uniku. Tajjeb ukoll li żżomm f’moħħok li l-ebda azzjoni partikolari mhi se twassal għal xi riżultat partikolari.
Dan kollu jindika li għandek tgħix ħajtek bl-aħjar mod possibbli, u titgħallem taċċetta u tħobb lilek innifsek biex tgħin lilek innifsek tkun maħbub minn ħaddieħor. Fl-aħħar mill-aħħar, tiddejjaqx tfittex l-għajnuna jekk tħoss li dak li qed tagħmel int mhux biżżejjed jew li din il-ħaġa qed tħalli impatt vera negattiv fuq ħajtek.
Jekk taħseb li tista’ tibbenefika minn appoġġ professjonali dwar din il-kwistjoni tista’ tibbukja appuntament hawn.
Johanna Cutajar hija gradwata ta’ Master in Counselling mill-Università ta’ Malta. Hija taħdem mat-tfal u l-adolexxenti bħala konsulent fis-settur tal-edukazzjoni fuq varjetà ta ‘kwistjonijiet inklużi kwistjonijiet ta’ relazzjoni, trawma, mewt, tranżizzjonijiet, u s-saħħa mentali ġenerali.
Referenzi
Frostrup, M. (2021). I Can’t Find a Partner: How Can I Learn to Love My Single Life? Retrieved from https://www.theguardian.com/lifeandstyle/2021/may/30/dear-mariella-frostrup-i-cant-find-a-partner-how-can-i-learn-to-love-my-single-life
Niedra, A. (2015). How to Find Real, Lasting Love Without Looking for It. Retrieved from https://tinybuddha.com/blog/how-to-find-real-lasting-love-without-looking-for-it/