Bħalissa, fil-mument li qegħdin ngħixu żgur li l-kelma vaċċin qegħda fuq fomm kulħadd, jew għax diġà ħadna xi doża tat-tilqima jew għax imissna dalwaqt biex nieħdu l-vaċċin. Għalkemm xi ftit jew wisq ħafna kienu xettiċi għandhomx jieħdu l-vaċċin, minħabba li t-tilqima ta’ kontra l-virus tal-Covid- 19 huwa pjuttost ġdid, però l-iktar nies li jinsabu indeċiżi huma persuni li jbatu minn xi mard mentali. Jekk tbati minn ansjeta’ jew għandek xi tip ta’ ‘phobia’ bħal; ‘trypanophobia’ (li hija biża’ mis-siringi) probabli tinsab xi ftit jew wisq beżgħan/a mill-vaċċin.
Ix-xjentisti fil-kamp tal-mediċina però qed jisħqu li sabiex il-pajjiż ikollu l-immunita’ kontra dan il-virus jeħtieġ li bejn 70-90% tal-popolazzjoni tkun imlaqqma. Għaldaqstant minkejja dan kollu wieħed għandu jiddeċiedi hu x’għandu jagħmel rigward il-vaċċin. Sabiex nieħdu deċiżjoni għaqlija u innaqqsu xi ftit l-ansjeta’ wieħed għandu jieqaf u jaħseb sew fuq dawn il-punti li ġejjin:
- Iċċekkja sew x’sorsi qed tuża’ meta tfittex dwar it-tilqima li ser tieħu sabiex tkun ċert/a li qed taqra jew tisma minn sorsi ta’ esperti jew xjentisti mill-kamp tal-mediċina li huma affidabbli,
- Li tisma jew taqra fuq it-tilqima, l-effetti tagħha u l-benefiċċji tal-vaċċin jistgħu jgħinuk sabiex tnaqqas l-ansjeta relatata mat-tilqima,
- Iċċekkja sew dak li għaddej mill-ħsibijiet tiegħek, jiġifieri huma ħsibijiet li ġejjin mill-biża’ u l-ansjeta’ iktar milli minn dak li qrajt jew smajt minn sorsi li tista’ tafda?
- Iżen sew ir-riskji u l-benefiċċji li tista’ tieħu mit-tilqima u mhux tieqaf biss sal-biża’, il-probabilta hija li jekk qed tibża mit-tilqima mela qed tibża’ jew kellek biża’ mill-Covid-19 ukoll. Ftakar ukoll li l-biża’ mit-tilqima tista’ tegħlibha billi tiftakar li jekk tkun mlaqqam/mlaqqma għandek inqas ċans li l-virus jikkawżalhek ħafna ħsara u għandek inqas ċans li tgħaddi l-virus lil persuni li huma iktar vulnerabbli minnek, li forsi huma membri tal-familja tiegħek stess,
- Tkellem dwar il-biża’ jew l-ansjeta tiegħek ma’ xi ħadd li inti tafda, tkellem minn x’hiex eżatt ġejja din il-biża’ u jekk hiex relatata ma’ xi esperjenza ta’ tilqim li forsi ħadt matul ħajtek,
- Jekk għandek biża’ relatata mal-Covid-19, tpoġġix din il-biża’ fuq il-vaċċin,
- Jekk ser tieħu l-vaċċin u taf li għandek xi tip ta’ ‘phobia’ ipprepara ruħek qabel tmur sabiex tnaqqas l-ansjeta’ u jekk tista’ forsi jikkumpanjak xi ħadd minn tal-familja jew ħbieb qrib tiegħek, anki jekk jistennewk fil-karozza, sabiex inti tkun ftit iktar rilassat/a,
- Qabel tmur għall-appuntament tat-tilqima, żomm ruħek okkupat/a sabiex tnaqqas l-ansjeta; tista’ taqra xi ktieb jew tisma’ ftit mużika,
- Avża lit-tip mediku li għandek xi ‘phobia’ jew ansjeta meta tkun ser tieħu t-tilqima sabiex dawn ikunu jistgħu jassistuk aħjar qabel u wara t-tilqima, dan sabiex tevita li jagħtik xi ħass ħażin,
- Żomm il-kalma u ħu nifsijiet fil-fond ħalli tgħin lilek innifsek sabiex tkun kalm/a,
- Wara li tieħu t-tilqima, ħu l-ħin tiegħek qabel titlaq mill-klinika jew il-post fejn ħadt it-tilqima,
- Matul il-ġurnata titħabatx wisq u jekk tħossok għajjien/a strieħ.
Rachel Osmond is a Family Therapist with Willingness who works with individuals, couples and families. She also has experience with children and adolescents.
Referenzi:
Rush, I, R. (2021). ‘How to handle Coronavirus vaccine anxiety’. Psycom. April, 13, 2021. Available at https://www.psycom.net/covid19-vaccine-hesitancy-mental-health retrieved on April, 27, 2021.