Jien ilni miżżewġa sitt snin.  Fl-ewwel sentejn taż-żwieġ jien u r-raġel konna veru marbutin ma’ xulxin.  Wara dawk is-sentejn, twieldu t-tfal, u iddedikajna il-ħin kollu tagħna għalijhom.  Issa li t-tfal bdew imorru l-iskola,  jiena u r-raġel sibna iktar ħin għal-passatempi u l-gosti tagħna, iżda nħoss li bejnietna, dik il-ġibda sfaxxat.  X’nista’ nagħmel biex ngħin lir-relazzjoni tagħna?

Sfortunatament, sitwazzjonijiet bħal tiegħek huma komuni ħafna.  Malli jitwieldu t-tfal, il-koppja tant tkun iffukata fuq it-trobbija tagħhom, illi, mingħajr ma tinduna, tkun qiegħda tiskarta lilha nfisha.  B’riżultat ta’ dan, il-ġenituri jitbiegħdu minn xulxin.

L-ewwel ħaġa li tista’ tagħmel hija li titkellem dwar dan mar-raġel tiegħek.  Kull persuna għandha l-idea tagħha fuq xi tfisser meta koppja titbiegħed.  Dan ifisser li forsi hu m’huwiex iħoss li hemm distanza bejnietkom.  Allura huwa importanti li ssib mument fejn tista’ taqsam qalbek miegħu.  Huwa wkoll importanti li ma tippuntax subgħajk lejh u tweħħel fih għal din is-sitwazzjoni, wara kollox din hija frott tal-esperjenzi tagħkom it-tnejn.

It-tieni pass huwa li tibdew issibu ħin regolari matul il-ġurnata jew matul il-ġimgħa fejn tiddedikawh għalikom it-tnejn biss.  Allura sibu ħin fejn it-tfal ma jkunux id-dar u ppjanaw ġurnata fejn ser toħorġu jew tqattgħu l-ħin flimkien.  Huwa importanti li waqt dan il-ħin tikkomunikaw u tiffukaw fuq xulxin, allura evitaw tkellmu fuq it-tfal.  Barra min hekk ninkuraġġixxi il-kuntatt fiżiku.

Fl-aħħar nixtieq nżid dan il-punt: bl-istess mod kif id-distanza ta’ bejnietkom ffurmat għal tul ta’ żmien, anki biex treġġa’ lura dik il-ġibda trid iż-żmien.  Allura nissuġġerixxi li kemm inti u kemm il-maħbub tiegħek tkunu paċenzjużi ma’ xulxin.

 

– Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships.  He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness.  He can be contacted on matthew@willingness.com.mt