Kull persuna għandu interpretazzjoni unika ta’ xi tfisser għalih jew għaliha il-kunċett ta’ familja. Illum il-ġurnata nisimgħu, aktar minn qatt qabel, dwar l-idea wiesgħa ta’ xi tfisser il-kelma familja. Maż-żminijet mxejna lil hinn mil-fehma tradizzjonali. Fejn din ta’ l-aħħar kienet tiffoka fuq żwieġ bejn mara u raġel fi ħdan il-knisja bil-patt li l-familja tkun mkattra permezz ta’ l-ulied. Illum nitkellmu fuq familji b’ġenitur wieħed; fuq koppji ta’ l-istess sess bit-tfal jew mingħajrhom; koppji bla tfal li jgħażlu li ma jkollhomx tfal jew li għal raġunijiet varji ma jkunx jista’ jkollhom tfal; koppji mgħamula minn persuna/i trans; koppji li jikkoabitaw flimkien jew miżżewwġa biċ-ċivil jew permezz ta’ reliġjonijiet differenti; dawk msejħa ‘blended families’ fejn koppja tingħaqad flimkien wara li jkun hemm tfal minn relazzjonijiet ta’ qabel fejn mhux eskluż li jkun hemm ulied tal-koppja preżenti, fost oħrajn …
Meta nħarsu madwarna ninnutaw realtajiet varji li jnebħuna kemm fid-diversita’ tagħha il-familja għadha sors importanti għall-umanita’. Fil-maġġoranza tal-każijiet; kull individwu jfittex li jkollu lil min jħobb u li jkun maħbub. Għaldaqstant, il-familja tibqa’ n-nukleu minn fejn joriġina l-bniedem. Ta’ min wieħed jsemmi li kull individwu jesperjenza l-familja b’mod differenti. Uħud huma grati lejn dak li l-familja t’oriġini tagħhom investitiet fihom tant li jħarsu lejn il-familjari tagħhom b’għożża u sens t’apprezzament. Dan jwassal għal-esperjenza pożittiva tal-familja. Mil-banda ‘l oħra, oħrajn jesperjenzaw emozzjonijiet ta’ rabja jew diżappunt u saħansitra jkun hemm min jfittex li jinqata’ minn mal-familja t’oriġini għal-perjodu temporanju jew indefinit. Ħafna drabi dan ta’ l-aħħar jseħħ minħabba esperjenzi negattivi li jkunu ġarbu fi ħdan l-għeżież tagħhom li jimpattawhom għal-għomorhom. Mil-banda ‘l oħra niltaqgħu m’ individwi li jgħaddu minn perjodi fejn jħossuhom parti mil-familja t’oriġini tagħhom u f’perjodi oħra jgħaddu minn mumenti fejn l-istess individwi jħossuhom mwarba jew mhux mifhuma mil-istess familjari. Bla dubju realta’ bħal din toħloq inċertizzi minħabba li l-persuna jħossu li qatt ma jaf fejn hu fejn tidħol il-familja tiegħu jew tagħha.
Wieħed jista’ jsaqsi; possibbli li l-familja li hija meqjusa il-milja ta’ l-imħabba minn ħafna, l-idea romantiċizzata, tista’ tikkoltiva tant niket u tbatija? U r-riposta bla ebda tlaqliq hija IVA. Fix-xogħol tagħna niltaqgħhu ma’ ħafna uġigħ li l-għeruq tiegħu ġej mil-familji u t-trobbija. Ir-raġunijiet għal dan huma varji. L-oriġini ta’ dan l-uġigħ jista’ jkun kkawżat b’mod intenzjonat jew jista’ jkun kaġun ta’nuqqas ta’ ħsieb jew ħiliet minn naħa tal-familjari. Dan ta’ l-aħħar, indipendentament mil-kawża, jħalli impatt fuq l-individwu kemm minn aspett emozzjonali kif ukoll dak psikologiku. Huwa mifhum li l-mod ta’ kif wieħed jiġi mrobbi ħa jkun qiegħed jinfluwenza l-aġir tiegħu jew tagħha fir-relazzjonijiet varji inkluż dawk ta’ bejn il-koppja. L-influwenzi, d-drawwiet u t-twemmin li nirtu minn eta’ ċkejkna jsawru l-pedamenti ta’ l-identita’ tagħna. Minn ċkunitna nassorbu messaġġi mgħotija lilna mil-familjari tagħna. Liema messaġġi jkunu f’forma diretta jew indiretta. Hekk kif l-individwu jibda jikseb l-indipendenza jibda wkoll jistaqsi dwar minn fejn hu ġej u x’jgħamlu dak li hu – proċess ta’ skoperta’ fuqu nnifsu.