Il-Prestazzjoni Sesswali
Minn perspettiva klinika, huwa ċar li d-dipressjoni għandha t-tendenza li taffettwa kull sistema fil-ġisem tagħna. Dan l-effett huwa l-iżjed evidenti fejn jidħol l-irqad. Huwa komuni li l-persuna titlef in-normalità u r-regolarità li hi kellha f’dan l-aspett, u b’hekk issib min jorqod iżjed milli suppost, min jorqod inqas, u min ikollu lejl imqalleb ħafna.
Imma apparti mill-irqad, kull attività li għandha bżonn l-enerġija, spontanjetà u koordinazzjoni tajba, inkluż l-attività sesswali, tista’ tiġi nfluwenzata mid-dipressjoni. Sfortunatament, ħafna individwi li qegħdin iġarrbu d-dipressjoni jitilfu l-aptit u l-interess fis-sess.
Imma dan mhux dejjem ikun il-każ. Xi nies jirnexxilhom iżommu l-ħajja sesswali tagħhom intatta, allavolja jkunu għaddejjin minn żmien iebes. Xi kultant anke jiskopru li s-sess ikun għal xi wħud l-unika attività li tagħtihom gost u affermazzjoni psikoloġika.
Mill-esperjenza klinika nirrealizzaw li fl-irġiel, l-għajja u s-sentimenti ta’ nuqqas ta’ tama huma ġeneralment assoċjati ma’ nuqqas t’aptit sesswali u anke problemi fl-erezzjoni tal-pene. Mill-banda l-oħra, fin-nisa d-dipressjoni hija assoċjata ma’ nuqqas t’interess fl-attivitajiet sesswalikif ukoll fid-diffikultà li jilħqu l-orgażmu (li huwa l-qofol u l-milja tar-risposta sesswali femminili).
Ħafna minn dawn il-problemi għandhom it-tendenza li jonqsu meta l-persuna li tkun qiegħdassofri mid-dipressjoni tibda tmur għall-aħjar, u saħansitra anke l-interess sesswali jista’ jkun l-ewwel sinjal bikri li l-persuna qiegħda tirkupra mid-dipressjoni.
Darb’oħra niddiskutu t-terapija psikoterapewtika u farmakoterapewtika f’relazzjoni mas-sess, kif ukoll x’tista’ tagħmel il-persuna li tkun għaddejja minn żmien ta’ dipressjoni biex tgħin lilha nfisha, kif ukoll lill-partner tagħhom waqt dan il-vjaġġ diffiċli.