Reading Time: < 1 minute

Biex inkomplu fejn ħallejna l-aħħar darba, f’dan il-blog se nitkellmu fuq x’wieħed jista’ jagħmel biex itaffi s-sintomi tad-dipressjoni, kif ukoll l-effetti sekondarji (side effects) li din tista’ tħalli fuq is-sesswalità tagħna. Dawn l-effetti jistgħu jkunu ġejjin kemm mid-dipressjoni nnifisha kif ukoll mill-mediċina.

Huwa komuni għal persuna li għaddejja mid-dipressjoni li jkollha anqas interess fil-ħajja sesswali tagħha, biss il-mediċini anti-depressant jistgħu wkoll jaffettwaw ħażin dan l-aspett fil-ħajja tagħna. Wieħed mill-iżjed effetti sekondarji komuni huwa t-tfixkil fil-proċess tal-orgażmu, li huwa l-milja tar-rapport sesswali. Ħafna drabi l-persuna ddum, jew inkella ma tkunx tista’ tilħaq l-orgażmu. Jekk inti għaddej minn sitwazzjoni simili u tixtieq tagħmel xi ħaġa dwarha, nissuġġerilek tkellem lill-professjonist li tafda biex tirrevedu flimkien il-pjan tal-mediċina u anke l-psikoterapija sessoloġika.

 

Kif tista’ persuna li qed tesperjenza d-dipressjoni tgħin lilha nfisha u anke r-relazzjonijiet mal-oħrajn?

 

Ir-riċerka u anke l-esperjenza klinika, turina li persuna li għaddejja minn dipressjoni mhux kuljum se tħossha daqshekk ħazin, imma se jkun hemm jiem fejn tħossha aħjar. Huwa propju f’dawn il-jiem li l-persuna għandha tieħu l-opportunità biex tieħu ħsieb lilha nnifisha aħjar. Bħal eżempju tirranġa xagħrek u tilbes sabiħ. B’dal-mod, il-persuna tkun tista’ tara lilha nfisha aħjar u anke tħossha aħjar. Dan jirrifletti wkoll b’mod pożittiv fir-relazzjoni mas-sieħeb/sieħba tiegħek.

 

Fil-blog li jmiss se niddiskutu xi affarijiet li persuna li għaddejja minn żmien ta’ dipressjoni tista’ tagħmel, kemm biex ittaffi s-sintomi tad-dipressjoni kif ukoll biex issaħħaħ ir-relazzjoni u s-sesswalità tagħha kemm jekk inti raġel jew mara, omosesswali jew eterosesswali. Din l-informazzjoni hija relevanti għal kulħadd, hu x’inhu s-sess, il-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali tiegħek. Fl-aħħar mill-aħħar, bħall-imħabba, id-dipressjoni m’għandhiex konfini ta’ dawn it-tip! Niltaqgħu!