Reading Time: 2 minutes

Biex inkomplu mas-suġġett tas-silta l-oħra, f’dan il-blog se nitkellmu fuq affarijiet li persuna li qed tesperjenza d-dipressjoni  tista’ tagħmel biex l-ewwel u qabel kollox hi tħossha aħjar, u wara dan anke ssaħħaħ ir-relazzjoni tagħha. Relazzjoni bejn tnejn hija esperjenza sabiħa u ta’ kenn jekk iż-żewġ partijiet jirreċiprokaw ir-rispett u l-imħabba lejn xulxin. Dawn li ġejjin huma suġġerimenti li jistgħu jgħinu lir-relazzjoni biex tikber u tissaħħaħ anke meta l-persuna tkun għaddejja mid-dipressjoni:

– Isma’ mużika li togħġbok. Kultant, stieden lill-partner biex j/tagħżel il-mużika hu/hi. Ħafna jaqsmu magħna l-fatt li l-mużika tgħinhom ħafna fil-burdata tagħhom.

 – Agħmel ħiltek biex ta’ kuljum tmur passiġġjata, preferibbilment mas-sieħeb/sieħba tiegħek. Il-mixi huwa ta’ benefiċċju kbir għall-bniedem, l-aktar għaliex bħal ħafna sport ieħor, il-mixi jistimula lill-moħħ biex jitlaq l-endorfini f’ġisimna. Fi kliem sempliċi, dawn huwa kimiċi tal-ferħ, li jgħinu biex ikollna burdata aħjar. Riċerka li qrajt dan l-aħħar tgħid li l-eżerċizzju huwa metodu tajjeb biex tiġġieled id-dipressjoni daqs il-psikoterapija u l-mediċina, speċjalment jekk id-dipressjoni ma tkunx severa.

– Aħdem biex ikollok fidi u konvinzjoni, li d-dipressjoni se tgħaddi u li sa fl-aħħar se tibda tgawdi l-ħajja kif tassew tixtieq. Din l-aspettattiva u l-mentalità pożittiva tgħin ħafna, speċjalment biex anke l-partner tiegħek jimtela’/timtela’ b’kuraġġ biex ikompli jkun/tkun ta’ sapport għalik.

– Anke jekk tħossok ħażin ħafna, agħmel ħiltek biex tgawdi mumenti żgħar bħal pereżempju tosserva xi għasfur jgħanni, jew xi fjura sabiħa. Prova ħarreġ lilek innifsek biex imqar tinnota tliet mumenti sbieħ fil-ġurnata. Ikun isbaħ jekk taqsam dawn l-esperjenzi mal-partner tiegħek biex ta’ madwarek jirrikonoxxu l-isforz tiegħek, u b’hekk, permezz ta’ dan tħossok apprezzat u mmotivat iżjed.

– Waqt li tkun għaddej minn żmien ta’ dipressjoni, jista’ jkun li ma jkollokx aptit tiekol. Prova mqar kul ħames frottiet kuljum, b’hekk tkun qed tagħti lil ġismek xi ħaġa sustanzjuża.

– Anke jekk ma jkollokx aptit sessjoni sħiħa ta’ sess, agħmel sforz biex tal-anqas tgħannaq u żżomm id il-partnertiegħek. Jekk tibża’ li t-tgħanniq se jwasslek tagħmel is-sess, u inti ma tkunx tixtieq dan, minnufih ikkomunika b’mod assertiv dawn il-ħsibijiet mal-partner, u għidlu/għidilha li m’għandekx aptit tagħmel sess, imma li vera għandek bżonn titfissed u tkun viċin. Mill-esperjenza klinika tiegħi, li tmiss jew li tkun qrib tal-persuna, huma fatturi ewlenin li jżommu r-relazzjoni intatta f’dan iż-żmien hekk diffiċli.

 

 

Fid-darba li jmiss se nikkonkludu din is-sensiela t’artikli bl-isem ta’ “Id-Dipressjoni u s-Sess” billi niddiskutu kif aħna nistgħu b’mod effiċjenti u kostruttiv ngħinu lis-sieħeb jew lis-sieħba tagħna li jkun/tkun qiegħed/qegħda għaddejja minn żmien ta’ dipressjoni. Kull bidu għandu t-tmiem, u wara l-maltemp jiġi l-bnazzi u saħansitra anke toħroġ l-qawsalla! Kuraġġ! Niltaqgħu!