Li tkun ġenitur mhi faċli xejn, speċjalment fiż-żmien li qed ngħixu fih bħalissa. Jiġu drabi fejn int, bħala ġenitur, se ssibha diffiċli ħafna biex tikkoreġi lil uliedek bl-aħjar mod possibli. Kemm jekk it-tfal tiegħek għadhom żgħar u qed jgħajtu u jwerżqu u kemm jekk huma rrabjati bħala adolexxenti, se jiġu drabi fejn se ssibha vera diffiċli biex tikkontrolla lilek innifsek. Dawn huma wħud mill-modi ta’ kif tista’ tgħin lil uliedek ikunu ddixxiplinati:

Iffoka fuq ir-raġuni li waslet għal dik l-imġiba

Għalkemm kull meta ma jaġixxux kif tixtieqhom int se tħossok frustrata ħafna, ftakar li dejjem ikun hemm raġuni li waslithom jaġixxu b’dak il-mod. Għalhekk, tagħmel ħafna aktar sens li tismagħhom milli tipprova tbiddel jew tirranġa s-sitwazzjoni.

Jiġu stabbiliti xi regoli

Din se ssibha l-aktar effettiva meta l-istess attitudni jew sitwazzjoni tkun qed issir ripetutament. Per eżempju jekk it-tfal għandhom tendenza li jkunu jridu jpoġġu fuqek waqt ħin l-ikel u ma jħallukx tiekol, ikollok bżonn tistabbilixxi regola li kulħadd ipoġġi fuq is-siġġu tiegħu u l-ħin tal-fsied ikun wara l-ikel. Regola oħra li tista’ tiġi stabbilita tikkonċerna l-ħin tal-logħob hekk kif lit-tfal tiegħek tista’ tgħidilhom li int tista’ biss tilgħab magħhom wara li tkun ħadt ftit tal-ħin għalik biex tixrob il-kafè. B’dan il-mod tkun qed turihom li int qed tagħti każ il-bżonnijiet tiegħek u ttihom eżempju li huma wkoll l-istess iridu jagħmlu meta jkunu f’relazzjoni.

Irid ikun hemm konnessjoni bejnek u bejnhom

L-ewwel u qabel kollox, it-tfal iridu jħossu konnessjoni mal-adulti biex jisimgħu minnhom. Għalhekk, jekk l-attitudni tat-tfal ma tkunx waħda mixtieqa, prova sib daqsxejn ħin għalihom, fejn ittihom l-attenzjoni kollha tiegħek, mingħajr l-użu tal-mowbajl. Għalhekk, aktar milli tagħtihom xi ħin biex joqogħdu waħedhom, fittex li tkun preżenti biex jersqu aktar qrib tiegħek. B’dan il-mod tkun qed turihom li fhimt li kulma għandhom bżonn hu li jħossuhom maħbubin u aċċettati, tkun kif tkun l-imġiba tagħhom.

Evita li tuża’ frażijiet umiljanti

“Għandek sitt snin, taġixxix bħal tarbija!” jew “Għandek il-kamra diżgustanti, mur naddafha.” Hemm ċans tajjeb li dawn it-tip ta’ frażijiet iħallu impatt fuq il-mod kif uliedek iħarsu lejhom infushom u jibdew jemmnu li huma kapaċi jaġixxu biss b’ċertu mod.

Serraħ aktar fuq konsegwenzi naturali u loġiċi

Ċertu konsegwenzi jistgħu jfixkluhom lit-tfal, speċjalment meta ma jkunx relatati mal-imġiba ħażina tagħhom. Per eżempju, jekk it-tfal qed jirriffjutaw li jilbsu żarbun apposta għax-xita, waħedhom se jindunaw li xxarrbulhom saqajhom u darb’oħra jilbsu mal-ewwel tax-xita. 

Iffoka fuq attitudni pożittiva

Minħabba li ħafna aktar faċli li tgħaddi kummenti fuq imġiba negattiva, tajjeb li tipprova tagħtihom aktar attenzjoni fuq imġiba pożittiva. Din tista’ tiġri kull meta jagħmlu xi ħaġa mingħajr ma jkollok għalfejn toqgħod tgħidilhom int, per eżempju “Qed nara li waħdek tfajtu postu ż-żarbun. Din turi kemm int responsabbli!”.

Fl-aħħar mill-aħħar, tajjeb li bħala ġenitur iżomm f’moħħok li trid tikkomunika b’mod ċar x’qed tistenna mingħand it-tfal tiegħek għax inkella tħawwadhom. Tajjeb li bħala ġenituri tkunu tafu li l-għajjat u l-vjolenza qatt ma jgħinu, anzi jistgħu jagħmlu aktar ħsara milli ġid, u li hemm metodi oħra ta’ dixxiplina li huma ferm aktar effettivi. Infatti, illum il-ġurnata sirna nisimgħu ħafna bit-terminu ‘dixxiplina pożittiva’. Meta jużaw din it-teknika l-ġenituri jkunu qed juru rispett lil uliedhom, jisimgħuhom, jinkoraġixxu attitudni tajba, u jgħallmuhom jgħarfu t-tajjeb mill-ħażin.

Jekk taħseb li tista’ tibbenefika minn appoġġ professjonali dwar din il-kwistjoni tista’ tagħfas hawn.

Johanna Cutajar hija gradwata fil-Masters in Counselling mill-Università ta’ Malta. Hija taħdem mat-tfal u l-adolexxenti bħala konsulent fis-settur tal-edukazzjoni fuq varjetà ta ‘kwistjonijiet inklużi kwistjonijiet ta’ relazzjoni, trawma, luttu, tranżizzjonijiet, u s-saħħa mentali ġenerali.

Referenzi

Clemer, C. (2022). 10 positive parenting techniques for disciplining your child. Retrieved from https://www.mother.ly/parenting/positive-parenting-and-discipline/
Morin, A. (2021). 5 Positive Discipline Techniques to Try. Retrieved from https://www.verywellfamily.com/examples-of-positive-discipline-1095049