Mhux dejjem hu daqshekk faċli biex nindunaw li l-ansjetà hi preżenti, speċjalment minħabba li hemm tipi differenti. Però, minkejja din il-varjetà, l-ansjetà għandha tendenza li ssakkarlek moħħok u, f’dal-każ, għal ċertu tfal tkun verament diffiċli biex imorru l-iskola.

Ħafna drabi, ir-rati ta’ assentiżmu jkunu l-aktar għoljin wara l-festi u l-ġranet li jkunu ma jifilħux minħabba li hemm it-tendenza li t-tfal isibuha aktar diffiċli jirritornaw wara li jkunu għamlu xi ftit ġranet ‘il bogħod mill-iskola. Jista’ jkun hemm diversi raġunijiet għalfejn it-tfal iħossuhom anzjużi fuq l-iskola. Jista’ jagħti l-kas li jkunu qed isibu l-lezzjonijiet u r-relazzjonijiet mal-għalliema diffiċli jew inkella għax ikun ġralhom xi ħaġa barra mill-iskola bħal, per eżempju, jkunu esperjenzaw it-telfa ta’ xi ħadd viċin tagħhom. Dawn li ġejjin huma xi ftit punti li jaf ikunu t’għajnuna għall-ġenituri li uliedhom qed jirriffjutaw li jmorru l-iskola.

Ikkomunika mal-iskola

Bħala ġenitur, tista’ titlob li ssir laqgħa mal-għalliema tat-tifel/tifla tiegħek, mal-Kap tal-iskola jew mal-Assistent Kap. Jekk kemm int u t-tifla/tifla rnexxielkom tidentifikaw x’tibdil tridu, dawn tistgħu tikkomunikawhom mal-iskola. Jekk ma tafux minn fejn se taqbdu tibdew, tistgħu tistaqsu lilhom rigward bidliet li jistgħu joffru. Li żżomm relazzjoni pożittiva mal-iskola tgħin ħafna. Tista’ wkoll tiċċekkja mal-iskola jekk ikunx possibli li jiġi xi ħadd mill-iskola jiltaqa’ magħhom id-dar fejn it-tfal iħossuhom komdi jitkellmu filwaqt li qed jaraw li l-iskola qed tieħu interess. Apparti minn hekk, tista’ wkoll tiċċekkja jekk ikunx possibli jonqos il-ħin tal-iskola għal xi żmien. Tista’ anke tikkunsidra li tnaqqas xi eżamijiet li mhumiex daqshekk relevanti biex jonqos l-istress għat-tifel/tifla.

Stabilixxi rutina

Tista’ toħloq rutina għal filgħodu billi tqajjimhom, tħeġġiġhom jbiddlu, u tieħdu l-kolazzjoni flimien qabel ma toħorġu mid-dar. Din tista’ tagħtihom sens ta’ sigurtà u tnaqqas l-ansjetà. Bħala ġenitur tista’ tgħinhom jippreparaw l-affarijiet, tiċċekkjalhom il-basket tal-iskola u tippreparalhom l-uniformi mill-ġurnata ta’ qabel.

Iddiskuti l-ansjetà magħhom

Flimkien tistgħu taħsbu f’affarijiet li jistgħu jgħinuhom inaqqsu l-ansjetà. Per eżempju, li jieħdu xi ġugarell favorit tagħhom mid-dar jaf tgħin. Jistgħu anke jikreaw kaxxa li fiha jżommu xi affarijiet zgħar li jikkalmawhom.

Ħu ħsieb li qed jirrilassaw biżżejjed

Li jsibu ħin wara l-iskola biex jirrilissaw jaf ikun importanti ħafna. Dan jista’ jsir billi jqattgħu xi ftit ħin mal-ħbieb jew ma’ tal-familja, jisimgħu l-mużika, imorru xi mixja jew ġirja, jipprattikaw xi tip ta’ sport, jew ipinġu. Huwa importanti li dak li jsir, ikun ta’ interess għalihom.

Evita li tisfurzahom imorru

Kemm jista’ jkun, prova tgħollix ħafna leħnek magħhom jew tisfurzahom biex imorru l-iskola. Hemm ċans tajjeb li jekk jiġri dan mingħajr ma jinbidel xejn, l-ansjetà tiżdied. Anke jekk jirnexxielhom imorru l-iskola, jaf ma jkunux f’pożizzjoni li jitgħallmu. 

Urihom li tifhimhom

Anke jekk din is-sitwazzjoni jaf tkun stressanti ħafna għalik bħala ġenitur, prova uri lit-tfal li tifhem għalfejn l-iskola jaf tkun daqshekk diffiċli għalihom u li tifhem għalfejn ma jridux imorru.

Żomm rutina d-dar

Jekk xorta waħda jibqgħu ma jattendux, inkoraġġihom jistudjaw ftit id-dar u jieqfu biex jieklu, l-istess bħalma kieku jagħmlu l-iskola. Tista’ anke tiċċekkja mal-iskola x’attivitajiet jistgħu jagħmlu d-dar u tuża’ anke xi riżorsi li tista’ taċċessa onlajn. Din tgħinhom sabiex meta jiġu biex jirritornaw l-iskola ikollom rutina sigura tad-dar. 

Mhux dejjem ikun daqshekk faċli li nindunaw xi tkun dik il-ħaġa li lit-tfal qed tqabbadhom l-ansjetà. Għalhekk, tajjeb li qabel xejn ngħinuhom jidentifikawha. Ladardba din tiġri, intom bħala ġenituri, tkunu f’pożizzjoni aħjar li tgħinuhom.

If you think that you can benefit from professional support on this issue you can reach out here.

Johanna Cutajar is a Master in Counselling graduate from the University of Malta. She works with children and adolescents as a counsellor within the education sector on a variety of issues including relationship issues, trauma, bereavement, transitions, and general mental health.

Referenzi

Ehmke, R. (2022). How Does Anxiety Affect Kids in School? Retrieved from https://childmind.org/article/classroom-anxiety-in-children/