Reading Time: 2 minutes

It-telfa ta’ xi ħadd li jfisser ħafna għalina tista’ tinħass partikolarment diffiċli fi zminijiet li s-soltu naqsmuhom magħhom. Importanti li ngħidu li kullħadd jesperjenza s-sens ta’ telfa b’mod differenti fi żminijiet differenti; mhux kullħadd l-istess. Pero’ festi bhal l-Għid, fejn uħud jgħazlu li jiċċelebraw dan iz-żmien bħala familja, jistgħu jkunu diffiċli ħafna meta nkunu tlifna membru tal-familja. Xtaqt naqsam ftit ħsibijiet li jistgħu jkunu ta’ sapport għalik u għal persuni oħra madwarek jekk zmien l-Għid qiegħed jinħass diffiċli minħabba li tlift lil xi ħadd li huwa importanti għalik.

  1. Tista’ taqsam dak li qiegħed tħoss

Jekk l-ewwel Għid minn wara t-telfa tan-nanna jew ta’ xi ħadd importanti għalik qiegħed jinħass diffiċli, aħseb jekk tkunx iżjed t’għajnuna għalik li kieku din id-diffikulta’ ma tgħixiex waħdek. Jekk għandek l-opportunita’, tista’ taqsam dak li qiegħed tħoss ma’ min hu viċin tiegħek jew ma’ xi ħadd li tħossok komdu miegħu, wisq iżjed jekk tista tagħmel dan ma’ ħutek jew ma’ persuni ohra li kienu viċin tal-persuna li tlift inti wkoll. Jista jkun li l-persuna l-oħra wkoll qiegħda ssib dan iż-żmien iżjed diffiċli mis-soltu, u b’hekk tkunu tistgħu toffru sapport lil xulxin u ma tħossukomx waħidkom f’din id-diffikulta’.

  • Żomm ħajjin it-tradizzjonijiet li jfakkruk fil-persuna li tlift

Aħseb ftit dwar x’inhuma l-mumenti li kont tiehu gost taqsam mal-persuna li tlift. Jekk in-nanna kienet il-persuna li forsi kienet tlaqqa’ il-familja biex tagħmlu l-figolli flimkien, jew li kienet tistieden lill-familja għall-ikla ta’ l-Għid, ahseb jekk hux possibli li tiddiskuti mal-familja jekk hemmx iċ-ċans li xorta tibqgħu iżżommu l-istess tradizzjonijiet tal-familja. Dan jista’ jkun mod kif tfakkar u tonora dak li l-persuna li tliftu kienet tagħmel għalikom f’dan iż-żmien.

  • Ibda konverżazzjoni fuq il-memorji sbieħ li għandkom tal-persuna li tliftu

Jaf tkun xi haga ta’ sinnifikat sabiħ għall-familja, li kieku f’mumenti bhal waqt l-ikla ta’ l-Għid tiftakru flimkien u tfakkru lil xulxin f’memorji sbieħ li qsamtu mal-persuna li tliftu. Din hija konverżazzjoni li tistgħu żżommu minn Għid għal ieħor, biex b’hekk il-memorji tal-persuna jibqgħu ħajjin fil-mumenti li tkunu flimkien mal-familjari tagħkom.

Rebecca Cassar is a Family Therapist practicing the Systemic Approach. She specializes in offering therapy to families, couples and individuals who are experiencing distress in their relationships. She can be contacted on rebecca@willingness.com.mt or call us on 79291817.