Ilni noħroġ mal-partner 5 xhur u xi ftit jiem ilu qalli li irrealizza li m’huwiex eterosesswali imma asesswali. Qalli li jfisser li qatt ma ħass il-bżonn li jkollu x’jaqsam fiżikament ma’ xi ħadd – lanqas bews. Hu qatt ma wera wisq interess f’kuntatt ta’ natura sesswali però kien dejjem jgħid li għax konna għadna bidu. Hu qal li lest li nibqgħu flimkien imma jien ma nafx inħossnix komda ma xi ħadd li ma jixtieqnix, immorru tajjeb kemm immorru tajjeb. Ma nafx x’se naqbad naħseb. Inħossni li tort tiegħi – li b’xi mod tant kellu esperjenza kerha miegħi li biddlitu ġo xi ħadd asesswali avolja jiena ferħana kont miegħu! Jista’ jiġri hekk?

Grazzi ħafna talli qsamt magħna din is-sitwazzjoni. M’hi xejn faċli li niskopru li dawk li nkunu bdejna ninvestu fihom huma differenti milli ħsibna. L-ewwel nett nixtieq inserraħlek rasek li l-asesswalità hija orjentazzjoni sesswali u ġeneralment m’hijiex xi ħaġa li tinbidel maż-żmien. Jekk huwa asesswali mhux għax kien miegħek imma għax twieled hekk. M’huwiex dejjem faċli li xi ħadd li hu asesswali jinduna li huwa hekk. Nies asesswali huma rari; madwar 1% tal-popolazzjoni.

Naħseb li f’dal-punt hemm bżonn li tiddiskutu ftit fejn qiegħdin u fejn tixtiequ tieħdu r-relazzjoni tagħkom. Kif qallek hu, ġeneralment ma jħossux l-istess ġibdiet li jħossu nies li m’humiex asesswali, però ma jfissirx li m’hemmx nies asesswali li jkunu lesti li jinvolvu ruħhom sesswalment mal-partners tagħhom. Ovvjament dan dejjem għandu jkun kompromess, fejn kemm hu u kemm inti tiddeċiedu flimkien jekk tkomplux flimkien, u kif tkomplu. Inti għidt li ma tħossokx komda ma’ xi ħadd li ma jixtieqekx, però min-naħa l-oħra ilkom flimkien 5 xhur. Kieku jien nirrifletti ftit fuq ir-relazzjoni tiegħi miegħu, u nipprova nara jekk nixtieqx inkompli jew le, u xi jkun aċċettabbli. Tistgħu ukoll tmorru għand professjonist, bħal psikologa jew counsellor, li forsi jista’ jgħinkom kif tistgħu tkomplu. Ħudu ħsieb xulxin.


Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt or call us on 79291817.