“X’differenza! Qabel kienet tassew toġgħobni u qas kien jirnexxielna nneħħu jdejna minn ta’ xulxin, u issa xejn!” Jista’ jagħti l-każ li, wara ċertu żmien, lis-sieħba tiegħek ma tibqax taraha attraenti bħalma kont qabel u, minħabba f’hekk, ir-relazzjoni ta’ bejnietkom ma tibqax li tkun. Għalkemm l-attrazzjoni hemm ċans tajjeb li tonqos jekk is-sieħba tiegħek tkun inbidlet fiżikament, tibdil fir-relazzjoni jew fil-persuna nnifisha, li int stess jaf l-anqas tkun indunajt bih, jista’ jwassal għal din il-bidla fil-mod kif tħares lejha. Il-probabbiltà hi li l-persuna l-oħra tinduna wkoll li int qed tħares lejha b’mod differenti u dan iwassal anke għal bidla fid-dinamika tar-relazzjoni ta’ bejnietkom. Dak li jkun jibda jistaqsi lilu nnifsu jekk din il-ħaġa hix normali u jekk ikunx jaqbillek twaqqaf ir-relazzjoni meta jiġri dan.

Aktar ma jgħaddi żmien f’relazzjoni, aktar hemm ċans li jintilef l-interess fil-persuna l-oħra jew tonqos l-attrazzjoni lejha. Din il-ħaġa tiġri ħafna meta l-bżonnijiet u l-aspettativi tiegħek ma jkunux qed jintlaħqu fir-relazzjoni, b’mod speċjali jekk int tkun tkellimt mas-sieħba tiegħek fuq x’tixtieq u tħoss li ġejt injorat għax tħoss li m’għadekx importanti għal dik il-persuna u li mhix tieħdok bis-serjetà. Ħaġa oħra li jista’ jkun tkun qed taffettwak tikkonċerna l-apparenza tas-sieħba tiegħek, speċjalment jekk din ma tkunx baqgħet tagħti kas ta’  kif tidher u għalhekk ittik x’tifhem li ma jimpurtahiex aktar milli tidher sabiħa għalik u tinterpretaha bħala nuqqas ta’ rispett. Li tgħix ma’ dik il-persuna tagħmel ukoll differenza kbira għax iċ-ċans li tara l-persuna l-oħra attraenti hu ikbar meta ma tkunx tgħix magħha u l-affarijiet jaf ma jibqgħux daqshekk eċċitanti minħabba ċertu rutina li t-tnejn li intom tkunu dħaltu fiha.

Tajjeb li dak li jkun iżomm f’moħħu li għandna mmorru lil hinn minn kif tidher persuna, speċjalment minħabba li iż-żmien iġib ħafna bidliet u dawn jaf ma jkunux joġgħbuk. L-attrazzjoni tista’ wkoll tonqos jekk tħoss li l-persuna l-oħra m’għadhiex tissapportjak għax dan iwasslek biex tibda tara lil dik il-persuna minn lenti kerha u ma tibqax taraha sabiħa. Madanakollu, jekk jiġri dan, wieħed m’għandux jaqta’ qalbu kompletament. Hemm diversi modi li wieħed jista’ jipprova jekk ikun jixtieq jerġa’ jħoss dik il-ġibda li xi darba kellu lejn dik il-persuna.

  • Huwa importanti li, qabel kollox, dak li jkun jipprova jifhem x’wassal biex m’għadux jara lis-sieħeb jew sieħba tiegħu attraenti u jaqsam dawn il-ħsiebijiet miegħu jew magħha. Jista’ jagħti l-każ li ż-żewġ partijiet kienu qed iħossuhom wisq għajjenin u, bla ma jafu, bdew iwarrbu aktar lil xulxin u għalhekk jistgħu jippruvaw iqattgħu aktar ħin flimkien.
  • Wieħed għandu wkoll jipprova jaħseb x’kien li attirah lejn is-sieħeb jew sieħba tiegħu fil-bidu.
  • Bħala koppja tridu taraw li jkun hemm mumenti fejn tidħku flimkien, turu affezzjoni u jkollkom konverżazzjonijiet intimi għax hekk tkunu qed turu lil xulxin li tixtiequ tkunu qrib ta’ xulxin.
  • Bħala koppja tistgħu wkoll tippruvaw tiftehmu bejnietkom meta tixtiequ li jsir l-att sesswali.

Fl-aħħar mill-aħħar, tajjeb li dak li jkun iżomm f’moħħu li kull koppja se jkollha t-tlajja u l-inżul u jaf ikun hemm ċans li l-affarijiet jerġgħu jmorru għan-normal. Jekk dak li jkun ikun jixtieq li l-affarijiet imorru għall-aħjar u jħossu qed jaqta’ qalbu, m’għandux jiddejjaq jinkoraġġixxi lis-sieħeb jew sieħba tiegħu biex ifittxu l-għajnuna ta’ xi ħadd professjonali u hekk ikunu pruvaw kull ħaġa li setgħu.

Jekk taħseb li tista tibbenefika minn sapport professjonali dwar din il-problema, tista tikkuntatjana hawn.

Johanna Cutajar is a Master in Counselling graduate from the University of Malta. She works with children and adolescents as a counsellor within the education sector on a variety of issues including relationship issues, trauma, bereavement, transitions, and general mental health.

Referenzi

Smith, K. (2021). What to Do When You’re no Longer Sexually Attracted to Your Partner. Retrieved from https://www.sheknows.com/health-and-wellness/articles/1140701/no-longer-attracted-to-partner/