Hekk kif jibda riesaq dan iż-żmien, ħafna jibdew jaħsbu għal ikla tal-Milied jew sabiex tlaqqa’ xi membri tal-familja u ħbieb id-dar. Normalment nieħdu gost li xi ħadd ikun ftakar fina u jixtieq jilqagħna ġewwa daru iżda jista’ jagħti l-każ ukoll li jkun hawn min ma jkunx daqshekk ħerqan b’din l-istedina. 

Filfatt, iltqajt ma’ Paul* li ma jmurx tajjeb ma’ missier it-tfajla tiegħu iżda beda jgħidli li ftit tal-ġranet ilu, stednuh għal ikla tal-Milied. Paul kien jinsab konfuż għaliex ma jixtieqx li jiġi f’pożizzjoni skomda bħal ma ġralu fil-passat meta kellu argument ma’ missier it-tfajla. Fl-istess ħin però jaf li jekk jirrifjuta jista’ jinqala aktar inkwiet għaliex jibża li jieħduha kontrih u jiksirha minn magħhom darba għal dejjem. 

X’tista’ tagħmel jekk ma tmurx tajjeb mal-ġenitur/i tas-sieħeb/sieħba tiegħek jew kif nafuhom ukoll mal-kunjati tiegħek? 

  • L-ewwel ħaġa ftakar li dawn huma l-familja tal-maħbub/a tiegħek u għalhekk, anki jekk forsi ma taqbilx magħhom, ftakar li bis-saħħa tagħhom għandek lilu/lilha u għalhekk prova dejjem trattahom b’rispett. 
  • Prova żomm il-kalma u evita tensjoni waqt li tkun qed tiddiskuti jew taqsam l-opinjoni tiegħek sabiex id-diskussjoni ma ssirx argument. 
  • Kun ċert li tkun ċar waqt li titkellem sabiex ma jkunx hemm nuqqas ta’ ftehim u evita li tidħol f’argument jew li titfa xi botta.
  • Kun empatiku għaliex ma tafx il-parti l-oħra għaliex qed iġġib ruħha b’dak il-mod. Jista’ jagħti l-każ li tkun xi ftit fuq id-difensiva sabiex tipproteġi lil bintha/binha/ibnu/bintu. Li tkun empatiku ma jfissirx li taċċetta l-imġieba ta dak li jkun imma li tagħraf id-differenzi ta’ bejnietkom u titrattahom xorta b’rispett.
  • Uri rispett lejn id-differenzi kemm jekk huma dawk politiċi, klassi soċjali, valuri jew forsi livell ta’ edukazzjoni differenti minn tiegħek. 
  • Tkellem mal-partner tiegħek rigward kif tħossok fil-konfront tal-ġenituri tagħha/tiegħu. Kun dejjem onest iżda ftakar ukoll li dawn huma l-ġenituri tagħha/tiegħu u għalhekk dejjem ara li tibqa’ turi rispett lejhom. 
  • Kun sensittiv u mhux kritiku. Jista’ jagħti l-każ li l-partner tiegħek diġà taf dan kollu dwar missierha/ommha għaliex għex/et magħhom.
  • Meta titkellem mal-partner tiegħek, iddiskutu rigward ″boundaries″ sabiex ikun hemm diskussjoni fuq dawk il-″boundaries″ li għandhom jinżammu kemm issa u anki fil-futur. Mhux neċessarjament li jaqblu ma dawn il-″boundaries″ iżda la darba inti u l-partner tiegħek taqblu fuq dawn, mela l-problema mhix tiegħek essaċ.
  • Ftakar ukoll li l-fatt li ma tmorrux tajjeb, ma jfissirx li għandhom kollox ħażin iżda li trabbejtu b’modi differenti u l-familja li ġej inti minnha għandhom ħsibijiet differenti u forsi anki modi differenti. Importanti però li mal-partner tiegħek tiddiskuti fuq dawn id-differenzi anki ta trobbija sabiex ma jkunx hemm diffikultajiet fil-futur. 
  • Jekk għandkom it-tfal, tinsix li dawn jiġu n-nanniet ta’ uliedek u mhux sewwa li iċċaħħad lil uliedek min-nanniet tagħhom jew li iċċaħħad lin-nanniet min-neputijiet tagħhom.

Ir-relazzjonijiet jistgħu jkunu komplikati, speċjalment dawk familjari. Minkejja li forsi ir-relazzjoni tiegħek mal-kunjati (jew il-ġenituri tal-partner tiegħek) mhix waħda tajba u forsi qatt mhu ser tkun perfetta, iżda aktar ma nuru rispett lejn xulxin, aktar hemm ċans li meta niltaqgħu ma jkollniex ‘drama’ u jirnexxielna nżommu rapport ċivili sabiex kemm jista’ jkun nżommu l-familja magħquda. 

*isem fittizju

Jekk taħseb li tagħmel benefiċċju minn sapport professjonali fuq dan tista’ tkellimna hawnekk hawnekk.

 Rachel Osmond hija terapista tal-familja u hija parti mit-tim tal-Willingness, hi taħdem ma’ individwi, koppji u familji. Hi għandha esperjenza mat-tfal u addolloxxenti ukoll.