Qed nissepara, għadna ngħixu fl-istess dar, u issa ġej il-lockdown.

Għażiż Matthew,

Ninsab maħruqa, mgerfxa u ma nafx fejn se nagħti rasi.  Iddeċidejt li nitlaq lir-raġel daqs erbgħa xhur ilu.  Kont ilni ntella’ u nniżżel għal snin twal.  Pruvajt nibqa’ ħabba t-tfal imma ma flaħtx iktar.  Kien hemm wisq tenzjoni d-dar.  Għamilt kuraġġ u għidtlu li rrid nieqaf.  Ħada ħażin ħafna.  Qal li ma kienx qed jistenniha.  Din iktar urietni kemm vera ma jifhimnix.  Iddeċidejna li nibqħu ngħixu flimkien sa ma nbigħu d-dar għax ma nifilħux għal 2 kirjiet.  Issa waslet din tal-virus u ma nistgħux noħorġu.  Qed inqatta’ ħafna mill-ħin fil-kamra tat-tfal biex nevitah.  Aħna flat għandna u l-ħin kollhu naħbtu f’xulxin.  Meta narah fuq il – mobajl jitbissem titlagħli rabja kbira.  Kif se nagħmel?

Naprezza mmens din l-imejl u l-kuraġġ li tibgħatha.  Nemmen li hemm ftit mhux ħażin qed jgħixu din ir-realta’ tiegħek.  Diġa mument diffiċli mmens li tqatta’ ħin id-dar mal-istess nies fi żmien ta tant anzjeta’.  Nista’ nimmaġina kemm hu iktar għar li tgħix ma’ persuna ma min hemm din it-tip ta’ tenzjoni. 

Miegħu kif inhuma l-affarijiet?  Qegħdin targumentaw?  Kif inhuma l-affarijiet mat-tfal? It-tfal jafu dwar is-separazzjoni? 

Huwa possibli li tibgħatlu messaġġ jew titkelmu f’kamra dwar kif tistgħu tagħtu spazju lil xulxin fl-ispazju limitat li għandkom? Nemmen li tgħin jekk toħloq spazju komdu għalik.  U anke forsi tiftehmu f’ħinijiet li wieħed jista’ juża kċina u living room, b’hekk forsi ma taħbtux ma’ xulxin daqsekk. 

Meta jiġu mumenti koroh li jkollok aptit toqtlu jew tgħajru prova ibgħat lil xi familjari, jew ħbieb.  B’hekk tkun qed tiżvoga imma mhux miegħu, u mhux quddiem it-tfal.  Idealment ma tiżvugax fuq telefon jew facetime għax jaf jisimawk it-tfal u ċertu diskors u rabja ma jifhmuhix. 

Fakkar lilek innifsek li dan hu arranġament temporanju u, avolja ma tafx sa meta jaf idum, xorta żmien li jgħaddi.  Tagħmilx deċiżjonijiet sforz rabja, frustrazzjoni, jew dwejjaq.  Jaf issib mumenti fejn tista’ anke tieħu cafe’ miegħu u titkelmu dwar affarijiet superfiċjali.  Ovjament, dan skond x’tip ta’ relazzjoni għandkom u x’riskju hemm li jinqala’ iktar inkwiet jekk titkelmu. 

Prova teħilx f’argumenti dwar affarijiet żgħar.  Argumenti ta’ dat-tip itaqlulek moħħok u qalbek, u jagħmlu l-ħin jidher itwal.  Tkellem u żomm f’kuntatt ma’ sħabek. 

Matthew Bartolo is the founding member of the Willingness Team.  He is a counsellor, sex therapist and business mentor.