Il-Milied huwa żmien importanti għal ħafna familji fil-kultura Maltija. Hemm tendenza li dan iż-żmien ikun ikkaraterizzat minn ħin mal-familja, kemm waqt li jkun qed joqrob, kif ukoll – u b’mod speċjali – il-ġurnata tal-Milied innifisha. Minkejja dan kollu, iktar ma jgħaddi żmien, iktar qed jiġi prijoritizzat ix-xogħol u għal xi wħud, il-ġurnata tal-Milied ma tkunx bħal ta’ bosta, mal-familja, iżda jidħlu xogħol xorta waħda. Din is-sitwazzjoni hi differenti għal kulħadd u għalkemm nissimpatizzaw mat-tfal li jqattgħu l-Milied mingħajr wieħed jew tnejn mill-ġenituri, hi importanti li nifhmu s-sitwazzjoni tal-ġenitur/i li daħlu xogħol – kemm Malta stess kif ukoll barra minn Malta. F’dan il-każ, il-mama kellha ssiefer fuq xogħol għallura hemm inqas ċans li se jkun hemm mumenti fejn se tkun kapaċi tlaħħaq tasal id-dar biex tgawdi l-Milied mat-tfal.

Jekk tikkunsidra l-effett tad-distanza bejn it-tfal u l-ġenituri minħabba xogħol, tista tgħid li hu normali li dan se jħalli impatt fuq it-tfal, b’xi mod jew ieħor. Waqt l-ewwel ftit xhur tat-tfulija, distanza bejn l-omm u t-tifla/tifel tista faċilment tikkawża problemi fir-rabta ta’ bejniethom minħabba l-fatt li t-tfal ikollhom bżonn preżenza konsistenti u frekwenti min-naħa tal-ġenituri. Ix-xogħol jaf ikun ta’ ostaklu biex din ir-rabta sseħħ b’mod sigur għas-sempliċi raġuni li l-ġenituri għandhom inqas ħin xi jqattgħu mat-tfal. Infatti, il-WHO tiddikjara li t-tfal ifittxu din ir-rabta mal-omm jew kustodju iktar u iktar meta jkunu qed jesperjenzaw mumenti stressanti. Apparti mill-ħin il-bogħod mit-tfal, trid tikkunsidra l-effett li x-xogħol stess qed iħalli fuq il-ġenitur; hi komuni ħafna li l-istress u l-għejja tax-xogħol taffettwa l-attitudni tal-ġenituri lejn it-tfal b’mod negattiv. Jiġifieri minbarra li ma jkollhomx ħafna ħin mat-tfal, hemm tendenza li ma jkollhomx wisq enerġija x’jiddedikaw għat-tfal.

X’tista’ tagħmel biex ittejjeb is-sitwazzjoni?

Hawn ħafna għarfien dwar l-importanza li l-ġenituri jiddedikaw attenzjoni lejn it-tfal tagħhom u biex ma jpoġġux ix-xogħol qabel ċertu valuri bħal ‘familja’. Minkejja dan, hawn nies li jesperjenzaw iktar diffikulta’ biex jieħdu ‘leave’ jew biex ma jidħlux xogħol f’ċertu okkażjonijiet bħal-Milied. Huwa tajjeb li taħseb f’xi miżuri li tista’ tieħu biex tagħmel din is-sitwazzjoni aħjar – kemm għal-ġenitur kif ukoll għat-tfal:

  • Iddedika ammont ta’ ħin qabel, fi żmien l-festi, anke jekk mhux fil-ġurnata l-propja. B’hekk tkun qed turi li int konxju tas-sitwazzjoni u taċċerta lit-tfal li inti minn qalbek trid issib ħin għalihom biex tgawdi l-okkażjoni magħhom
  • Ibgħat messaġġ jew ċempel fil-ġurnata tal-Milied. Hu importanti li żżomm kuntatt tul il-vjaġġ kollu imma hu ferm iżjed importanti li turi lit-tfal li qegħdin f’moħħok fil-ġurnata tal-Milied għax huma jkunu qed jistennew li jikkommunikaw miegħek
  • Patti minn qabel billi żżomm mat-tradizzjoni u twettaq l-affarijiet li tagħmlu ssoltu bħala familja fi żmien il-Milied qabel ma ssiefer fuq xogħol

Li tiddedika ħin għat-tfal u tiprijorittizzahom fuq ix-xogħol m’għandhiex tfaqqas biss fi żmien okkażjonijiet, iżda f’kwalunkwe mumenti tul is-sena. Bosta riċerka turi li n-nuqqas ta’ attenzjoni li ċertu ġenituri juru lejn it-tfal tagħhom, tħalli impatt enormi fuq l-emozzjonijiet u l-istat psikoloġiku tat-tfal.

Referenzi

Kassamali, N. and Rattani, S. (2014). Factors that Affect Attachment between the Employed Mother and the Child, Infancy to Two Years. Procedia – Social and Behavioral Sciences, [online] 159, pp.6-15. Available at: https://reader.elsevier.com/reader/sd/pii/S1877042814064490?token=6BDA17E2FDF632D789972EBEC10F2BC3775C46ADD61BC89CD52E04B49B4113F65E5AE693FFDDC46D3F5C151C2B3F10C0.

Luanne Grima is a psychology student who works as a childminder with Willingness. She also forms part of Betapsi.