Ħafna ġenituri, bil-modi differenti tagħhom, jkunu jixtiequ li jagħtu esperjenza sabiħa u memorabbli lit-tfal tagħhom fi żmien il-Milied. Dan jista jkun għaliex numru ta’ ġenituri jħarsu lejn żmien il-Milied bħala perjodu li joffri numru t’ opportunitajiet biex il-familja tkun tista tagħmel memorji sbieħ flimkien, u għaliex ħafna ġenituri jittamaw li meta t-tfal tagħhom jikbru iżjed, jkunu jistgħu jħarsu lura u jitfakru f’dawn il-mumenti prezzjużi. B’hekk tkun sitwazzjoni diffiċli għal ġenitur li jkun pjana u ħaseb tant fuq x’inhuma l-affarjiet li jaħseb li ibnu jew bintu se jieħdu pjaċir bihom, meta jara lil uliedu diżappuntati b’dak li jirċievu fil-Milied.

Għalkemm il-ġenituri mhux dejjem ikollhom kontroll fuq kif jirreaġixxu wliedhom, speċjalment meta jkunu t’eta’ zgħira, hemm numru t’affarjiet li ġenitur jista jagħmel biex iżid il-possibilta’ li t-tfal ikunu kuntenti b’dak li jirċievu. Hawnhekk ha nkun qiegħda naqsam magħkom ftit idejat:

  • Agħllem lit-tfal dwar x’inhu importanti fi żmien il-Milied

Jekk bħala adulti, meta nitkellmu m’ uliedna dwar żmien il-Milied inpoġġu emfażi kbira fuq ir-rigali, hemm ċans tajjeb li t-tfal ukoll jiffukaw prinċiparjament fuq dak li se jirċievu fil-Milied. B’hekk jkun siewi jekk noħolqu atmosfera t’entużjażmu mhux biss madwar ir-rigali li se jingħataw ghall-Milied. Nistgħu ngħallmu lil uliedna fuq kif inkunu ħerqana biex inżejnu d-dar flimkien, nisimgħu l-mużika tal-Milied, biex ninġabru flimkien mal-familja u nqattgħu l-ħin tagħna nieħdu pjaċir fil-kumpanija ta’ xulxin. Tajjeb li bħala adulti aħna stess ukoll nipprattikaw dan il-messaġġ, billi bejnietna l-adulti ma npoġġux wisq emfażi fuq l-aspetti materjali, imma nemfasizzaw il-ferħ li nħossu meta niċċelebraw il-Milied flimkien.

  • Stieden lit-tfal biex jaħsbu f’Ħaddiehor

Mod ta’ kif it-tfal jistgħu jitgħallmu kemm hu importanti li tħoss u turi apprezzament meta tirċievi xi ħaġa, huwa billi huma stess jagħtu xi ħaġa lil ħaddiehor. Tista’ tħeġġeġ lit-tfal biex jippreparaw kartolini, jew affarjiet li jistgħu jagħmlu huma stess, biex jagħtuhom lil ħaddiehor fil-Milied. Permezz t’hekk, it-tfal jistgħu jitgħallmu mill-eżempju ta’ ħaddiehor kif iġġib ruħek meta tirċievi rigal, pereżempju kif għandek tirringazzja persuna li ħasbet fik. Barra minn hekk, jitgħallmu ukoll kemm persuna tħossha tajba meta dak li tkun għamilt għal ħaddiehor, jista joħloq ferħ fil-persuna l-oħra.

  • Emfasizza l-ħsieb li jinvolvi rigal

Għalkemm ħafna drabi nkunu nixtiequ nagħtu lil uliedna l-aħjar possibli, dak li jkunu jixtiequ mhux dejjem jkun realistiku jew possibli għalina. Importanti li l-ewwel u qabel kollox, ma nwiegħedux dak li nafu li ma nistgħux inwettqu. Jiġifieri, jekk nafu li dak li jixtiequ wliedna m’aħniex se nkunu nistgħu nagħtuhulhom, m’għandiex inwiegħduh. Minflok, nistgħu mil-ewwel nispjegaw li dak li jixtiequ mhuwiex realistiku, u li ħa nkunu qiegħdin naħsbu fihom biex nagħmlu dak li nistgħu biex nagħtuhom rigal li jista’ jferrahhom xorta waħda. B’hekk nemfasizzaw ix-xewqa tagħna li narawhom kuntenti, iżda ukoll li hemm limiti li bħala ġenituri għandna id-dmir li npoġġu.

Rebecca Cassar is a Family Therapist practicing the Systemic Approach. She specializes in offering therapy to families, couples and individuals who are experiencing distress in their relationships. She can be contacted on rebecca@willingness.com.mt or call us on 79291817.