Bħala ġenitur, waħda mil-iżjed affarijiet li tkun tixtieq għal uliedek huwa li tarahom kuntenti fil-ħajja tagħhom. L-iżvilupp tat-tfal irridu nħarsu lejh b’mod ħolistiku. Dan ifisser li t-tfal għandhom oqsma differenti li jaffettwa l-ħajja tagħhom u kemm ikunu kuntenti. Wieħed minn dawn l-oqsma huwa l-fattur soċjali. Nafu kemm hu importanti li t-tfal ikollhom relazzjonijiet sodi u pożittivi ma’ nies differenti madwarhom. Dan jinkludi kemm adulti kif ukoll tfal li huma tamparhom. It-tfal kollha għandhom il-karattru rispettiv tagħhom, min huwa fuq tiegħu u min huwa kwiet. Għalhekk, hemm xi tfal li jsibuha faċli li jagħmlu ħbieb u jitkellmu ma’ nies differenti, filwaqt li hemm tfal oħrajn li jżommu lura u minħabba f’hekk af ikunu waħidhom ta’ spiss.

Iżjed ma jikbru, speċjalment meta jilħqu ż-żmien ta’ l-addoloxxenza, huwa komuni li t-tfal juru interess li joħorġu ma’ sħabhom. Ovjament, il-postijiet li jmorru u l-ħinijiet li jdumu għandhom ikunu addattati għal eta` tagħhom. Madankollu, hemm ċertu ċirkustanzi fejn it-tfal ma jurux interess li joħorġu ma’ sħabhom jew li jattendu xi tip ta’ attivita` extra-kurrikulari. Għalkemm jista’ jkun hemm ħafna raġunijiet għal dan, waħda mir-raġunijiet tista’ tkun għaliex it-tfal ikunu qiegħdin ibatu minn kundizzjuni li nsejjħulha ansjeta` soċjali. Din il-kundizzjoni hija meta l-persuna żżomm lura milli titħallat ma’ nies oħrajn fl-aspett soċjali minħabba biża` dwar kif persuni oħrajn ikunu qiegħdin iħarsu lejk. Ħafna drabi din il-biża` tkun li persuni oħrajn jiġġudikawk b’mod negattiv jew inkella jibżgħu li ser jgħidu jew jagħmlu xi ħaġa li twassalhom biex jimbarazzaw lilhom infushom. Għalhekk il-persuna tippreferi li tissakkar id-dar u ma toħroġx ħalli tevita li xi sitwazzjoni ta’ dan it-tip tiġri.

Jekk tinduna li t-tifel jibda jġib ħafna skużi għaliex ma jridx joħroġ, jgħid li ma jridx imur skola jew jattendi xi attivatijiet oħrajn, tkellem sew miegħu biex tipprova tifhem x’qiegħed idejqu. Tajjeb li ssaqsi lilek innifsek meta bdejt tinnota din il-problema, jekk kienx hemm xi tibdil fil-ħajja tat-tifel,  jekk forsi kienx hemm xi ħadd li għaddielu xi kummenti negattiv u kif iħares lejh innifsu. L-anzjeta` soċjali tmur lil hinn minn meta t-tfal ikunu mistħijin. Għalhekk huwa importanti li jekk it-tfal ikunu għaddejjin minn din il-kundizzjoni jingħataw għajnuna professjonali sabiex ikunu jistgħu jirċievu terapija ħalli joħorġu minnha.

Bħala ġenitur, jekk għandek it-tifel li jbati minn anzjeta` soċjali tista’ tgħinu billi tissaportjah f’dawk is-sitwazzjonijiet li jkunu qed joħolqu fih ansjeta`. Jekk ikun hemm sitwazzjonijiet partikolari fejn ikun qed iħossu anzjuż, ppreparah minn qabel għalihom. Spjegalu x’ħa jkun qiegħed jiġri, ma’ min ħa jkun qiegħed jiltaqa’ u x’inhu minstenni minnu. Jekk pereżempju għandkhom ikla tal-familja forsi tista’ tilħaq tieħdu r-restorant minn qabel. Tajjeb li t-tifel jitgħallem jipprattika strateġiji li jista’ juża meta jkun qed iħossu anzjuż, eżempju eżerċizzji tan-nifs. Dawn huma tip ta strateġiji li jkun jista’ jitgħallem flimkien mat-terapist/a tiegħu.

Dr Marilyn Muscat is registered as an Educational Psychologist with the Health and Care Professions Council in the United Kingdom where she trained. She works with children, adolescents and their families to understand more about educational, social and emotional well-being concerns that they have and to help them improve upon their difficulties. She can be contacted on marilyn@willingness.com.mt or call us on 79291817.