Reading Time: 2 minutes

Ili noħroġ mal-għarus kważi sena, u ftit xhur ilu ġejt mistiedna għand il-familja tiegħu għax xtaq ilaqqani magħhom. Kont naqra skomda għall-ewwel pero ħassejtni aċċettata u komda magħhom, kważi wisq komda. Jien u missieru partikolarment mal-ewwel klikkjajna, bħallikieku kien xi ziju li ili naf minn meta kont żgħira. Hu deher li ħassu komdu miegħi ukoll u qisna malajr rabbejna naqra l-kunfidenza u bdejna nitfgħu botti lil xulxin. Onestament pero il-fatt li nħossni daqshekk komda miegħu, u hu miegħi, qed tbeżżagħni ftit – qed nibża’ li l-ġibda li għandi lejh hija stramba, li forsi qed niffansjah avolja bosta snin ikbar minni. Wasalt f’punt li meta niltaqgħa mal-ġenituri tiegħu qed inkun ansjuża. L-għarus induna li xi ħaġa qed tiskomodani pero qed nibża’ ngħidlu għax ma rridux jaħseb ħażin. Tista’ ttini xi parir?

 

Grazzi ħafna talli qsamt magħna din is-sitwazzjoni xi ftit skomda. Qed nieħu gost nisma’ li tmur tajjeb mal-ġenituri tal-għarus pero min-naħa l-oħra nista’ napprezza li hija sitwazzjoni stressanti. Milli qiegħda tgħidli, avolja hemm konnessjoni bejnek u bejn missier l-għarus, ma jidhirx li hemm ġibda fiżika. Madanakollu, inti biss tista’ tkun taf xi tħoss: nistiednek tieħu ftit ħin biex tgħarbel l-emozzjonijiet li tħoss lejn missieru. Jista’ jagħti l-każ li sempliċiment tingwalawa flimkien, bħalma jiġrilna ma’ ħbieb qrib tagħna, pero jista’ jagħti l-każ ukoll li hemm affarijiet oħra. Ma jfissirx neċessarjament li huma ta’ natura sesswali imma sempliċiment frott l-esperjenzi tagħna. Importanti li tara xi tħoss għaliex hija xi ħaġa li taffettwa kemm ir-relazzjoni tiegħek mal-għarus, kif ukoll ma’ missieru.

F’każ bħal dan jaf ikun importanti wkoll li żżomm ftit id-distanza bejnek u bejn missieru sabiex ma tagħtix impressjoni li mhijiex minna. Speċjalment jekk m’intix ċerta x’hemm bejnek u bejn missieru naħseb importanti li ma jkunx hemm kunfidenza żejda. Nistiednek tikkunsidra affarijiet bħal: meta tkunu bilqiegħda, id-distanza ta’ bejnek u bejn missieru, u anki l-atteġġament ta’ bejnietkom.

 

Matthew Bartolo is a counsellor specialising in Sex & Relationships. He offers counselling to both individuals and couples, and runs the sex education services within Willingness. He can be contacted on matthew@willingness.com.mt.

You can visit his profile on: https://zme.tec.mybluehost.me/willingnessmt/team/matthew-bartolo/

This blog has been proofread by Keep Calm and Proofread (https://www.facebook.com/keepcalmandproofread)